Xufier Tal-Linja aggredit minn passiġġier fir-Rabat

Xufier tal-Linja ġie aggredit minn passiġġier wara li dan allegatament ma waqqfux fuq l-istage li ried jinżel fih.

Kelliema għal Malta Public Transport spjegat ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ fit-18 ta’ Ġunju fir-Rabat. Qalet li mill-informazzjoni li għandhom sa issa, il-passiġġier jidher mill-filmati tas-CCTV li daqq il-qanpiena wara li l-karozza Tal-Linja qabżet il-bus stop. Il-passiġġier jidher li qam minn postu u mar ħdejn ix-xufier u dawn tkellmu.

Il-kelliema spjegat li x-xufier imbagħad waqqaf lill-passiġġier fil-waqfa li jmiss, u l-passiġġier deher riesaq lejn il-bieb biex joħroġ imma f’ħin minnhom reġa’ dar lejn ix-xufier. Qalet li f’dan il-mument jista’ jkun li deher jibżoq fuq ix-xufier. Il-passiġġier imbagħad niżel mill-karozza tal-linja u x-xufier għalaq il-bieba.

Spjegat li l-filmat mbagħad ra lix-xufier iħares lejn il-mirja, jerġa’ jiftaħ il-bieba u jinżel mill-karoza Tal-Linja. Kien hawn li skont il-kelliema seħħet il-ġlieda li ma nqabditx mill-kameras tas-CCTV hekk kif din seħħet barra fit-triq.

Kelliem għall-Pulizija wkoll ikkonferma l-każ ma’ Newsbook.com.mt fejn spjega li x-xufier Tal-Linja għamel ir-rapport tiegħu fid-19 ta’ Ġunju fejn qal li ġie attakkat waqt li kien fuq xogħlu u sofra xi ġrieħi ħfief. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex jinstab l-aggressur.

“Mhux ittollerat l-ebda każ ta’ vjolenza” – MPT

Il-kelliema għall-Malta Public Transport sostniet ma’ Newsbook.com.mt li l-kumpanija tqis li dawn l-inċidenti huma serjissimi u ma tittollera l-ebda każ ta’ vjolenza u tieħu kull azzjoni permessa bil-liġi kontra l-aggressur.

Spjegat li l-kumpanija kontinwament tinvesti f’sigurtà tax-xufiera, li għandhom faċilità li jikkomunikaw mal-Control Room f’każijiet bħal dawn, sabiex jintbgħatu l-awtoritajiet u l-assistenza neċessarja fuq il-post. Intant qalet li x-xufier kollha huma mħarrġa dwar kif għandhom jaġixxu f’każijiet bħal dawn sabiex jiġi evitat kull forma ta’ kunflitt kull meta jkun possibbli.

Għaldaqstant, il-kumpanija kkundannat dan l-attakk vjolenti u offriet kull sors ta’ appoġġ lix-xufier.