Xufier jinħeles mill-akkużi ta’ sewqan perikoluż

Xufier ta’ tal-linja li kien daħal ġo arblu tal-elettriku u ġol-faċċata taċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard inħeles mill-akkużi ta’ sewqan perikoluż, taħt ir-raġunament li l-inċident seta’ ġara bi problema bil-mekkaniżmu.

Ix-xufier ta’ 48 sena mill-Imsida kien qed isuq mudell aktar antik tal-karozza tal-linja Arriva fl-1 t’Awwissu tal-2012 meta ġara l-inċident. Kif dar mad-dawra ta’ ħdejn iċ-ċimiterju, il-vettura baqgħet dieħla dritt ġo arblu tad-dawl u barrikata qabel ma ħabtet mal-ħajt taċ-ċimiterju u kkawżat ħsarat li swew mat-€3,000.

Waħda min-nies riekba fuq il-karozza ħabtet rasha u kellha bżonn il-punti f’rasha.

L-akkużat tressaq il-Qorti taħt l-akkuża li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva, tant li spiċċa kkawża l-ġrieħi lil waħda mill-passiġġiera.

Fil-Qorti, huwa kien qal li fi triqtu lejn il-Belt Valletta, ipprova jdawwar l-isteering b’diffikultà. Il-passiġġiera qalet li kienet riekba fuq quddiem tal-vettura meta semgħet ħoss kbir, u l-karozza ħabtet mal-bankina, iżda ma setgħetx tiftakar iżjed dettalji.

Il-Qorti qalet li peress li ma kienx sar eżami mekkaniku fuq il-karozza tal-linja, seta’ kien hemm xi problema mekkanika li wasslet għall-inċident.