X’tista tara llum l-Erbgħa 9 ta’ Ottubru fuq it-TV

Ritratt: Ivan Borg

Servizz ta’ kuljum b’tagħrif dwar uħud mill-programmi tal-ġurnata.

L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru

Sorelle – TVM fit-3pm

L-avukat Inguanez jispjega fid-dettall dak kollu li jkun hemm fit-testment. X’qalulu Leo u Bella? Aċċettaw kollox jew inkella qalulu li kellhom jitkellmu bejniethom fil-privat? Min ċempel lil Janice? Leo x’qalilha lil Madre u Sister Angela x’taħseb dwar dan kollu?

Sensilhena – TVM 2 fit-8.15pm

Illum Christine Delicata se titkellem ma’ omm ta’ 5 ulied u s-suġġett se jkun, il-Konċepiment, Ħajja Ġdida, Twelid Ġdid. Esperjenza ta’ Alla u l-Ħajja. Suġġett interessanti, fejn se naraw is-sbuħija ta’ ħajja ġdida, ħajja umana, ħajja li qed tagħti opportunità għall-għixien u żvilupp ta’ persuna. Hilary Spiteri jitkellem dwar pittura ta’ Antoine Camilleri li proprju tispjega l-bidu. Fl-aħħarnett Fr Brendan Gatt mill-Knisja Arċipretali tal-Mosta se jitkellem dwar l-importanza li għandna nagħtu lill-Ħajja, il-ħajja ta’ tarbija hi min hi u ġejja minn fejn ġejja. Opportunità oħra għall-ġenituri li titfagħlhom risponsabbiltà kbira ta’ kif għandhom jieħdu ħsieb din il-kreatura. 

Moda, L-Istorja – One fit-8.30pm

Għandna x-xorti li f’Malta għandna diversi arkivji aċċessibbli u ħafna riċerkaturi li qegħdin jieħdu nteress fl-istorja tal-ħwejjeġ matul iż-żminijiet. Kemm l-arkivji u kemm il-ħwejjeġ eżistenti, qegħdin ftit ftit jibnu dejjem l-informazzjoni. Għalkemm l-iskop ta’ uħud mill-artisti ma kienx direttament biex juri l-ilbies, ix-xogħlijiet tagħhom iservu għal studju fuq l-ilbies tal-passat.

Division 7 – One fid-9pm

Wara dak li ġara fuq il-kampnar tal-knisja bejn Franġisku u l-Ispettur Cachia, issa l-Pulizija kkonfermaw dak li dejjem ħasbu li huma l-intenzjonijiet ta’ Franġisku, iġifieri li joqtol nies ħżiena li jħammġu isem il-Knisja biss. Kif se tibqa’ Luċija ma’ Ray? Hemm xi ċans jitranġaw l-affarijiet? Jew se jispiċċaw jisseparaw? Amir qiegħed fi stat li qatt ma’ rajnieh fih qabel. Għal xiex se jwassal dan?

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Jennifer Gareis u Rena Sofe f’The Bold & The Beautiful . Ritratt: Howard Wise/jpistudios.com

Eric jinsab entużjast li qed jerġa’ jara lil Donna wara tant snin. Ma jintebaħx li bejnha u bejn Quinn hemm arja ta’ tensjoni.

Una Vita – Canale 5 fis-2.10pm

Ritratt: Boomerang TV

Rosina tistqarr ma’ Susana li Maximiliano, qabel ma’ żżewweġ lilha, kellu relazzjoni ma; Maria u issa tibza’ li l-mara ġiet lura b’intenzjonijiet ulterjuri.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

Ritratt: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.A.

Severo jmur għand Prudencio biex jissellef xi flus. It-tabib jasal għall-konklużjoni li Antolina ma kienitx tqila aktar minn 12-il ġimgħa. Iżda hi tiċħad dan il-fatt.

Amici Celebrities – Canale 5 fid-9.20pm

Ritratt: Mediaset

Għal din il-ġimgħa, minflok is-Sibt, dan il-programm se jixxandar illejla u se nkomplu naraw il-personalitajiet f’din il-kompetizzjoni jissielu bejniethom biex jippruvaw jevitaw li jiġu eliminati. Din hija r-raba’ serata ta’ din il-kompetizzjoni bejn personalitajiet hekk kif illejla nassistu għal eliminazzjoni oħra.

Blended – Ġdid fuq Netflix

Film ta’ kważi sagħtejn li ħareġ ħames snin ilu bi Drew Barrymore u Adam Sandler li sewa $128 miljun biex inħadem. Lauren, li tkun għadha kif iddivorzjat, titlaqqa’ mill-ħbieb tagħha ma’ Jim, raġel armel, għall-ewwel darba. Din il-laqgħa ma tantx tmur tajjeb u t-tnejn li huma jaħilfu li ma jerġgħux jaraw lil xulxin. Iżda bla ma jkunu jafu t-tnejn li huma jispiċċaw imorru vaganza fl-istess post fl-Afrika ta’ Isfel u t-tfal ta’ xulxin jispiċċaw joqogħdu flimkien …