X’tista’ tara llum l-Erbgħa 16 ta’ Ottubru fuq it-TV

Moda, l-Istorja, illejla fuq One. Detalji aktar 'l isfel

Servizz ta’ kuljum fuq newsbook.com.mt b’tagħrif dwar uħud mill-programmi fuq l-istazzjonijiet lokali, Taljani u Netflix.

L-Erbgħa 16 ta’ Ottubru

Sorelle – TVM fit-3pm

B’qalbha maqsuma Maxine kompliet fl-istorja tagħha ta’ tfulitha… x’qaltilha lil Janice… għaliex kienet kitbet xi ittri u għaliex Jodi kienet bkiet ħafna? Fejn sejra Maxine… x’inhu għaddej minn moħħha? Għand min marret u għaliex ħarbet ‘l barra mingħajr ma qalet xejn?

Sensilhena – TVM 2 fit-8.15pm

Ritratt: Christine Delicata

X’inhu r-rwol u responsabbiltajiet tal-ġenituri meta jkollhom it-tfal? Kemm għandhom ikunu ta’ gwida fil-veru sens tal-kelma? Fejn jidħlu l-valuri u Alla fil-ħajja tal-familja? U huwa mportanti dan? Din se tkun il-bażi tad-diskussjoni ta’ Christine Delicata u Dr Joe Mizzi fl-istudjos, però Hilary Spiteri se jitkellem dwar pittura ta’ Caesar Attard li tinsab il-MUZA, liema pittura qed tiddiskrivi r-rwol tal-mara fil-familja. Fr Brendan Gatt fl-aħħar parti tal-programm jitkellem ukoll mil-lat spiritwali dwar dan ir-rwol tal-ġenituri b’eżempju ta’ Santa Marija u San Ġużepp.

Moda, L-Istorja – One fit-8.30pm

Meta l-Ingliżi ġew Malta fl-1800 is-soċjetà għolja Maltija kienu jilbsu stil Franċiż, dak li nafuh bħala Empire jew Regency style. Kien ilbies klassiku u sempliċi. Imma mhux kollox kien ward u zahar għax fl-1813 waslet il-pesta f’Malta u l-produzzjoni tal-qoton ħadet daqqa u kellhom ukoll jinħarqu ħafna drappijiet u ħwejjeġ minħabba li kienu jaħsbu li dawn kien qed ixerrdu l-pesta. Dan l-intervall qasir ma jfissirx li l-moda spiċċat u aktar ma għadda żmien naraw kif il-Maltin bdew jaddattaw il-moda Ngliża.

Division 7 – One fid-9pm

Issa Luċija marret uffiċjalment toqgħod ma’ binha Matthew u ma’ Troy. Kif se tibqa’ ma’ Ray? Fr Renè kif se jibqa’ ma’ ommu? Amir wara t-tragedja ta’ ommu għandu kull intenzjoni li jsib min għamel din l-atroċità, issa li Samira nqatlet minn Hassan? Kif se jibqa’ Franġisku ma’ Fr Michael? Għalfejn bagħat għalih biex imur jarah?

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Bill skopra l-verità iżda jiddeċiedi li ma jagħmel l-ebda rapport. Ikompli jinsisti li huwa raġel mibdul, grazzi għal Brooke, u jiddikjara mħabbtu lejha.

Una Vita – Canale 5 fis-2.10pm

Ritratt: Boomerang TV

Maria tistqarr ma’ Leonor li Casilda hija t-tifla ta’ Maximiliano. Titlobha beix ma tgħid lil ħadd dwar dan. Hi tipprova żżomm is-skiet tagħha, sakemm tiltaqa’ ma’ Rosina.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

Ritratt: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.A.

Donna Francisca tħarrab l-irġiel li kienu se jattakkaw lil Adela. Marcela, mibgħuta minn Elsa u Consuelo, tmur għand Antolina.

Amici Celebrities – Canale 5 fid-9.25pm

Tkompli l-kompetizzjoni bejn il-personalitajiet f’din l-ewwel edizzjoni ta’ Amici Celebrities li issa qed jitmexxa minn Michelle Hunziker. Illum naraw min mill-parteċipanti li fadal Ciro Ferrara, Emanuele Filiberto, Filippo Bisciglia, Laura Torrisi, Pamela Camassa u Massimiliano Varrese se jasal għall-finali. Illejla għall-ewwel darba se naraw lil Maria De Filippi li se tagħmilha ta’ ġurat hekk kif tingħaqad ma’ Ornella Vanoni, Giuliano Peparini, u Platinette.

Into The Storm – Netflix

F’siegħa u nofs li jdum għaddej dan il-film mill-2014 naraw kull tip ta’ diżgrazzji naturali li l-bniedem jista’ jkun milqut minnhom. Bħal urugani, sajjetti, xita bil-qliel u dak kollu li kapaċi jkisser il-belt ta’ Silverton. Iżda mhux ir-residenti kollha tal-belt ikunu beżagħna minn dawn għax grupp ta’ nies minnhom imorru biex jiffilmjaw dan kollu. Jaħdmu Richard Armitage u Sarah Wayne Callies. Il-film kien rebaħ l-unur Golden Trailer għall-Aħjar Sound Editing.