X’tista’ tara llum it-Tnejn fuq it-TV

Xena minn F'Ġieħ L-Imħabba fuq TVM. Ritratt: Ivan Borg

Mil-lum newsbook.com.mt se jibda jwassal servizz ġdid b’tagħrif ta’ wħud mill-programmi li tistgħu ssegwu f’kull ġurnata.

Illum it-Tnejn 30 ta’ Settembru

Sorelle – TVM fit-3pm

Naraw lil Meg tgerger għaliex ma tridx tiekol il-minestra. Ommha Maxine x’qaltilha? Naraw vann ġej b’veloċitá qawwija… x’ġara? Min rahom u x’għamlet? Maxine fejn qed tmur filgħaxija? X’inhu jiġri l-għassa tal-pulizija? Ma’ min qed tiltaqa’? X’qalu l-pulizija dwar dik li kienet ċemplet?

Umani – TVM fis-7pm

L-ewwel programm ilaqqagħna mal-koppja Nazaline u Brian Abela, ġenituri ta’ Liam u Zakk żewġt itfal li għandhom diżabilità severa. Minkejja li skont it-tobba Liam u Zack kellhom jgħixu sa 4 snin biss, bid-dedikazzjoni tal-ġenituri u l-ħbieb u qraba, dawn l-anġli għadhom ħajjiin, u llum għandhom 17-il sena.  Umani għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Maria Muscat. 

F’Ġieħ L-Imħabba – TVM fid-8.50pm

Nibdew billi naraw lil Antonio u lil Francesca flimkien. Ġie jarahom Ġuseppe, ħu Antonio. X’ġab miegħu? Min huma Gaetano u Bernardo? Dwar xiex tkellmu Ġużeppe u Antonio jew aħjar Totó? Ma’ min iltaqa’ fil-ġnien u x’qaltlu Francesca? Fejn kien sejjer Gaetano. Għaliex Karmelina talbitu biex jerġa’ lura d-dar magħha? X’ġaralhom? Bernardo x’għamel? Francesca x’marret tagħmel għand Ġużeppe? Min hu Marco? X’wissieh Ġużeppe?

HazZzard – One fid-9pm

Fl-ewwel programm, il-parteċipanti ser jiltaqgħu flimkien u isiru jafu lil xulxin għall-ewwel darba. Iridu jiskopru d-destinazzjoni u wara jibdew vjaġġ twil lejn id-destinazzjoni, fejn jibdew l-aktar avventura diffiċli li HazZzard qatt sfida lil parteċipanti tul l-edizzjonijiet kollha.

KC – Net fis-2.30pm

Fl-ewwel episodju naraw kif Charles (Hector Bruno) iħassar mal-għarusa u jispiċċa indannat ifittex oħra għax waħdu ma jridx joqgħod. Michael (Patrick Vella) li jaħdem ma’ Charles u li xi ħaġa bħal din jiekolha qisu qed jiekol biċċa ħobż biż-żejt, jipprova jagħmel minn kollox biex jgħinu jsib oħra. Karen (Abigail Williams) tibda taħdem fi sptar ġdid u jirnexxielha tiġbed l-attenzjoni mill-ewwel bil-kariżma li għandha. Calvin  (Ray Calleja) li jkun jaħdem fl-istess sptar u fl-istess dipartiment tal-emerġenza fejn taħdem hi, jinduna mill-ewwel li din il-mara għandha ċertu vokazzjoni imma iżjed minn hekk hija mara sabiħa, għandha figure, xagħar twil u lixx … insomma kif iħobbhom hu. Kristina Celestina (Eileen Montesin) taħdem f’lukanda. Tixtieq li kienet il-proprjetarja u mhux sempliċiment segretarja. Tħossha waħedha, tħossha falliet u għall-ewwel darba f’ħajjitha taċċetta li tmur fuq blind date u … tgħaxxaqha!

Family Affair – Net fit-3.30pm

Programm ġdid li se jitwassal mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-3.30pm bi preżentazzjoni ta’ Eileen Montesin u Christine Haber, bil-parteċipazzjoni ta’ Morris! L-għan tal-programm hu li jwassal divertiment lill-udjenza permezz ta’ logħob, kompetizzjonijiet, żfin, kant u mużika. Se jkun hemm rkejjen relatati mal-mużika Taljana, l-isports, iz-Zumba u anki dwar il-Eurovision Song Contest. Dan apparti rokna partikolari li se teħodna lura fl-imgħoddi u li se tqanqan bla dubju ħafna nostalġija.

Iż-Żagħka – Net fid-8.45pm

Kollox jibda mal-mewt tan-nanna ta’ Joshua, Bianca, meta tħalli d-dar antika tagħha lilu. Bianca u żewġha Spiru, jkunu ilhom ma jitkellmu s-snin. Spiru, jsib wens f’Lara l-għarusa ta’ Joshua. Niltaqgħu mal-familja Ebejer, l-omm, Judith il-counsillor, u ż-żewġt itfal, Lara u Jodie. Missierhom ikun ilu li telaqhom. Kollox ikun għaddej normali, sakemm fid-depot tal-pulizija, jidħol rapport, liema każ jaqa’ f’idejn l-Ispetturi Ludwig Shead u Antida Fleri. Tibda investigazzjoni fuq mara misterjuża li ħadd ma jaf min hi. X’konnessjoni għandu dan kollu mad-dar ta’ Bianca u x’tip ta’ passat kellha din Bianca fid-dar?

Wheelspin – Net fl-9.50pm

Fleur Balzan tasal lura bil-programm Wheelspin, issa li se jidħol fl-20 sena tiegħu. Fl-edizzjoni tal-lejla nsegwu preżentazzjonijiet ta’ karozzi f’Pariġi, fl-Ingilterra u fl-Olanda.

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Bill sa fl-aħħar jiftaħ għajnejh u jsib lil Brooke ħdejh. Ridge jintebaħ li żbalja u li aktar ressaq lil Brooke lejn l-għadu tiegħu.

Una Vita – Canale 5 fis-2.10pm

Telmo jikseb il-fiduċja ta’ Lucia. Hi u Cecilia jiddeċiedu li jitolbu lil Fabiana jsibu fattiga għall-Kappillan.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

Elsa hi ddisprata minħabba fl-ingann ta’ Alvaro. Iżda jirnexxielha żżomm fiha d-diżappunt li qed tħoss. Isaac però hu deċiż li jpattiha lit-tabib u jerħilha biex imur isibu.

London Fields – Ġdid fuq Netflix mil-lum

Film b’tema ta’ misteru u thriller li ħareġ għall-wiri s-sena l-oħra b’Cara Delavigne, Amber Heard u Theo James. Fl-istorja niltaqgħu ma’ Nicola Six li jkollha l-ħila li taf x’se jiġri fil-futur. Jum minnhom issir taf li hi kellha tinqatel minn raġel li ma għarfitx minn seta’ kien. Il-mara bdiet toħroġ ta’ tliet irġiel għal kollox differenti li wieħed minnhom kienet taf fiċ-ċert li kellu jkun dak li se joqtolha. Min kien minnhom?