X’tista’ tara llum it-Tlieta fuq it-TV

Ritratt: Reno Rapa

Din hija l-għażla tal-ġurnata ta’ newsbook.com.mt ta’ wħud mill-programmi li tistgħu ssegwu llum.

It-Tlieta 1 ta’ Ottubru

L-Għarusa – TVM fid-9pm

Fenech Lauri ikollu żjara mingħand it-tabib sabiex jikkonvinċieh jfittex l-għajnuna iżda kollu ta’ xejn ma jridx jaf. Bettina ma raqditx għajn m’għajn matul il-lejl u kienet pjuttost raffa ma’ kuġintha Amelia. Arturo jipprova jtarraf xi ħaġa lil Lucrezia iżda Lucrezia ma tridx taf għax kienet għadha wisq entużjasta bil-festin u kuntenta li mar kollox sew. Arturo kien determinat li jimxi mod ieħor mil-lum ‘l quddiem ma’ bintu. Septa terġa’ tipprova tiddeffes u Diego jgħidilha li huwa miżżewweġ lil Bettina. Dan ifisser li allura hi mhux se tiżżewweġ lil Bert. L-investigatur privat jerġa’ jżur lil Bert, din id-darba biex jieħu sehmu issa li xogħlu lest. Fil-palazz jiġru xi movimenti li jbiddlu l-atmosfera ta’ kollox.

Sorelle – TVM fit-3pm

Il-Maġġur Bonaci tkellem ma’ Vince dwar dak li kien ġara…x’qalu? Nerġgħu niltaqgħu ma’ Maxine u l-psikjatra Janice… dwar xiex tkellmu f’din is-sezzjoni? X’ġara bejn Rose u Leo… x’rat Maxine dakinnhar u għaliex kienet id-dar u mhux l-skola?

Malti Pur – TVM fis-6.30pm

Fl-ewwel programm naraw kif isir il-madum ta’ Malta, il-ftira Għawdxija kif ukoll kif isir tapit min-newl.

Kalamita – One f’12.00pm

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa f’dan il-ħin, Alfred Zammit qed iwassal il-programm popolari Kalamita, li din is-sena jaħbat l-20 sena tiegħu. Rkejjen informattivi, kompetizzjonijiet, mużika u ħafna aktar waqt dan il-programm ta’ wara nofsinhar.

Airborne – One fit-8.30pm

Clare Agius u Mark Zerafa jwasslu t-tieni staġun tal-programm dwar l-avjazzjoni b’attenzjoni fuq karrieri f’dan il-qasam. L-ewwel programm se jlaqqagħna mal-Kaptan Clifford Chetcuti li llum huwa CEO tal-Air Malta. Il-programm se jmur ukoll Franza gġall-avveniment annwali NATO Tiger Meet. Minn Malta se naraw kif jiffunzjona l-Uffiċju Metereoloġiku fl-MIA.

Stat ta’ Fatt – One fid-9pm

Programm ta’ ġrajjiet kurrenti li jitratta s-suġġetti u l-kontroversji li jkunu fuq fomm kulħadd. Tmexxi d-diskussjoni Paula Cauchi, bi produzzjoni ta’ tim żagħżugħ magħmul minn Claire Azzopardi, Martina Grech u Nadine Abela.

K.C. – Net fis-2.30pm

Wara li l-blind date ma tirnexxix, Kristina Celestina teħdoha ġewwa u tagħmel nervi kbar. Nervi li tibqa’ bihom sal-għada. Is-Sur John Caruana jħossu qisu ras maqtugħa għax Izmeria ma tmurx għax-xoghol. Xi ħaga li ma kelliex kontroll fuqha u li ma tagħmilx ta’ spiss imma mingħajrha John iħoss li għandu xi ħaġa nieqsa. Bla ma tirrealizza Kare tibda tħossha eċitata. Meta tkun qed taħdem viċin ta’ Calvin. Tinduna b’dan Elis meta taraha tirtgħod. Charles jipprova jinġabar ftit ma’ KC billi jaċċetta li jwassalha l-belt fejn ikun għadu kemm beda sale tajjeb ta’ Christmas trees imma jgħaxxaqha meta fil-karozza jipprova……

Ħallelin tal-Baħar – Net fid-8.45pm

Fl-ewwel episodju ta’ Ħallelin tal-Baħar, Salvu Mallia jlaqqgħana mal-kursar tas-16-seklu Salvatore u sħabu tat-tverna, li se jibqgħu miegħu tul l-10 episodji kollha. Se joħodna miegħu sa Palermo fi Sqallija u t-Tuneżija, biex insiru nafu min, skond l-istoriku Għarbi tal-15-il seklu Al Ħimjari,  tassew kienu missirijietna, li ġew minn Sqallija fi żmien il-ħakma Għarbija u ġabu magħhom sengħa li tagħat ikel u għana lil dan il-poplu għal madwar 900 sena sħaħ: Is-serq fuq il-baħar. Se nfettqu dwar dak li kien jgħażel lill-kursar mill-pirata u għaliex, minkejja li xogħolhom kien tista’ tgħid l-istess, il-wieħed kien membru stmat tas-soċjeta’, waqt li l-ieħor postu kienet fuq il-forka.

Champions League – Canale 5 fid-9pm

F’xandira diretta l-partita Juventus – Bayer Leverkusen mill-grupp D tal-kampjonat taċ-Champions League.

Le Iene – Italia 1 fid-9.25pm

Alessia Marcuzzi u Nicola Savino jippreżentaw l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm popolari bis-sehem tal-Gialappa Band. Din se tkun edizzjoni partikolari għax matulha se jsellmu l-memorja tal-kollega tagħhom Nadia Toffa, li mietet ftit tal-ġimgħat ilu bil-kanċer. Se jitwasslu filmati maħduma apposta mill-preżentatriċi ftit żmien qabel mietet u li fih jitwasslu dettalji dwar l-aħħar proġett tagħha.

AQRA: Mietet Nadia Toffa ta’ Le Iene

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Bill isir jaf mingħand Justin li Ridge u l-Imħallef kienu qed jiltaqgħu bil-moħbi qabel ma nqatgħet is-sentenza.

Una Vita – Canale 5 fis-2.10pm u Rete 4 fid-9.25pm

Lucia tistqarr ma’ Patri Telmo li hija saret tħobb lil Samuel u tgħidlu bl-intenzjoni tagħha li tgħinu finanzjarjament.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

It-tabib Zabaleta jagħti lil Saul il-prova li kellu bżonn biex b’hekk jiġi xolt iż-żwieġ tiegħu ma’ Antolina.

Cloud Atlas – Ġdid fuq Netflix mil-lum

Tom Hanks, Halle Berry u Jim Broadbent jaħdmu diversi partjiet f’dan il-film li jwassal storja fuq 500 sena li ħareġ fl-2012 u għandu tul ta’ sagħtejn u 52 minuta. Avukat jagħti kenn lil ilsier maħrub fuq vjaġġ mill-Gżejjer Paċifiċi fl-1849; kompożitur fqir fl-Ingilterra qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija jkun irid itemm l-ikbar kompożiżżjoni tiegħu qabel ikun magħruf il-passat tiegħu; ħaddiem magħmul arifiċjalment fl-2144 iħoss tqanqil f’qalbu li mhux suppost kien qed iħoss għax ma kienx tad-demm u l-laħam, u stejjer oħra. Kull ruħ titwieled u terġa’ titwieled mill-ġdid biex b’hekk iġeddu l-għaqda tagħhom matul iż-żmien.