X’tista’ tara llum it-Tlieta 15 ta’ Ottubru fuq it-TV

Servizz ta’ kuljum b’tagħrif dwar uħud mill-programmi li tista’ ssegwi fuq it-TV.

It-Tlieta 15 ta’ Ottubru

Ħajjitna Ktieb – TVM fid-9.30am

Il-mistieden tat-tieni programm huwa John A. Bonello li se jitkellem dwar il-ktieb Zero, addattament tal-ktieb Taljan li wkoll jismu Zero, mitkub minn Luigi Ballerini. L-istorja hija dwar tifel li minn mindu kien żgħir inżamm maqful mingħajr l-ebda kuntatt ma’ barra. It-tifel dejjem ħaseb li hu kien waħdu. Dan sakemm ġurnata waħda jinqata’ d-dawl u jinfetaħ il-bieb ta’ fejn kien jgħix u jsib ruħu barra fid-dinja vera!

Sorelle – TVM fit-3pm u fil-11.25pm

Maxine tkompli tirrakkonta l-problemi li kienu għaddew minnhom l-aħwa wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom. Qaltilha wkoll li darba Leo kien mar b’rigal għal kulħadd… x’ried jiċċelebra? Leo ta rigal speċjali lil Maxine… x’kien… u Maxine għaliex kienet tassew kuntenta… iżda x’ġara?

L-Għarusa – TVM fid-9pm

L-investigatur privat ma jaqtax qalbu u jerġa’ jmur iżur lil Bert ġewwa l-isptar u jgħaddilu botta li ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu bħalissa. Liberat tinnota xi ħaġa fuq Kalċ imma ma tinterrompix. Bernard jiftaħ qalbu ma’ ħuh Agostino dwar x’ġara l-għada tat-tieġ ta’ Ġiovann u Marie. Amelia turi indifferenza meta din l-istorja tasal għand Arturo u Bernard iħossu mweġġa’ dwar dan. Arturo jaffaċċja lil Kalċ u lil Lucrezia iżda Lucrezia għażlet li ma tismax u li mhix lesta li titlef wild ieħor.

Umani – TVM fl-10.30pm

Il-programm qed jixxandra illejla flok ilbieraħ minħabba x-xandira tal-budget. L-istorja tal-lum hi dwar Christine Mifsud li tilfet il-vista wara li welldet lit-tewmin tagħha Ġiulia u Milena. Illum 20 sena wara minkejja li kważi għamja baqgħet trabbi lil uliedha u għandha kuraġġ u pożittività enormi. Christine ċajtiera u maħbuba minn ħafna nies.  Umani għandu produzzjoni u preżentazzjoni tal-ġurnalista Maria Muscat.

Airborne – One fit-8.30pm

Fit-tielet programm naraw lit-tim iżur wieħed mill-ftit Boeing 747-400ER li fadal madwar id-dinja. Kien għalhekk li meta l-Qantas Boeing 747-400 kien f’Malta, it-tim tal-programm ħa l-opportunità biex jaħdem fuq servizz li se jitwassal illejla. Il-programm ikompli bi żjara fil-Malta Air Traffic Services, fejn Adrian Vassallo se jispjega l-ħidma fl-Area section tal-air traffic control. Fl-aħħarnett nassistu għall-wasla tal-Airbus A320neo, it-tieni wieħed tax-xorti tiegħu fl-Air Malta.

Ħallelin tal-Baħar – Net fid-8.45pm

Fis-snin tan-nofs, bis-saħħa ta’ l-Aragoniżi, Malta kompliet tissaħħaħ bħala bażi ewlenija ta’ kursari nsara, waqt li xeħtu ż-żerriegħa  tan-nobblità Maltija, li ħafna minnhom ġew Malta propju biex jarmaw ta’ kursari. It-tisħiħ f’din l-industrija wassal, biex ħafna bdiewa telqu l-għelieqi tagħhom u ngaġġaw bħala kursari, imħajrin mill-qligħ kbir, tant li r-re Alfonsu, biex isalva l-biedja, ordna li ħadd ma seta’ jarma xwieni u jimbarka Maltin, ordni li spiċċat baqgħet fis-seħħ għal 20 sena sħaħ. Biex tkompli tgħaxxaqha, minkejja r-rebħa għall-Malti, intilfu ħafna rġiel maqtula jew imjassra, meta qawwa ta’ 18,000 Mislem ħabtu għall-gżira, waqt li s-sultan ta’ Sqallija kellu jiġi Malta personalment, wara kolp ta’ stat kontra l-ħakkiem leġittimu u Katellan Ciccio Gatt, mil-logutenenti tiegħu Giacomo Pellegrino, kursar li d-dixxendenti tiegħu għadhom jaħkmu l-Imdina sal-lum!

Futbol – Kwalifikazzjoni Ewropej 2020 – Rai Uno fit-8.30pm

F’xandira diretta l-partita Liechtenstein – Italja.

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Scott Clifton u Darin Brooks f’The Bold and the Beautiful. Ritratt: Howard Wise/jpistudios.com

Bill u Justin jirnexxilhom jirreġistraw konversazzjoni bejn Ridge u l-Imħallef McMullen u b’hekk jiksbu f’idejhom il-provi li kellhom bżonn.

Una Vita  – Canale 5 fis-2.10pm

Ritratt: Boomerang TV

Samuel jilħaq ftehim ma’ Joaquin, li jaċċetta li jgħaddilu dettalji tat-testment tal-Markiż.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

Ritratt:: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.

Francisca tissuġerixxi lil Prudencio li jagħti l-flus lil Severo. Intant tinstab ittra falza ta’ Roberto minn Cuba.

Book of Henry – Canale 5 fid-9.20pm

Ritratt: Alison Cohen Rosa/ Focus Features

Henry huwa t-tifel il-kbir ta’ Susan, single mother li taħdem ta’ waitress. Jum minnhom l-omm issir taf li l-familja tal-ġara jkollha sigriet xejn sabiħ li fih tkun imdaħħla t-tifla tagħhom. Henry jfassal pjan fuq ktieb biex jagħtu għajnuna lil din it-tifla u jeħilsuha minn dak li tkun għaddejja minnu. Naomi Watts, Jaeden Martell u Jacob Tremblay jaħdmu f’dan il-film mill-2017 b’tul ta’ siegħa u 45 minuta.

Colossal – ġdid fuq Netflix

L-istorja tal-film iddur madwar Anne Hathaway li taħdem il-parti ta’ Gloria. Il-mara, li ma jkollhiex impjieg, titkeċċa mill-post fejn tkun tgħix fi New York City biex tmur lura fejn kienet tgħix qabel. Iżda meta jibdew jaslu l-aħbarijiet li jkun hemm kreatura kbira li tkun qed tfarrak il-belt ta’ Seoul tirrealizza li b’xi mod hi jkollha x’taqsam ma’ dan il-fenomenu. Colossal kien ħareġ fl-2016 b’tul ta’ siegħa u 45 minuta.