X’tista’ tara llum il-Ħamis 10 ta’ Ottubru fuq it-TV

Xena mit-tieni puntata ta' Fattigi. Dettalji aktar 'l isfel

Servizz ta’ kuljum fuq newsbook.com.mt b’tagħrif dwar uħud mill-programmi li tistgħu ssegwu llum fuq l-istazzjonijiet lokali, Taljani u Netflix

Il-Ħamis 10 ta’ Ottubru

Sorelle – TVM fit-3pm u fil-11.25pm

Jodi kienet qed tibki… għaliex… u Maxine x’qaltilha? Bella u Maxine tkellmu fit-tul… x’qalu? Min mar jitlob fil-kappella u x’marret tagħmel? Inkomplu nsegwu lil Maxine u lil Janice waqt it-terapija.

Fattigi – Net fid-8.45pm

Maurizio se jmur lura għall-vzzju ikrah? X’parir se tagħtih Catherine, lil binha Mark? Il-ħolm ta’ Gregory qed jieħu xejra aktar surreali u din il-problema qed tikber ġo moħħu. X’se tagħmel Mandy, meta Francis taħtafha, wara diskursata dwar Bertu? X’ġara mill-baby ta’ Sister Margerita? U Petra xi trid minn Catherine?

Tereża – Smash fit-8.30pm

Tlett puntati oħra wara xulxin ta’ din is-soap opera Maltija. Illum naraw l-Ispettur Paul Cachia jżur lil Tereża biex jagħmillha xi mistoqsijiet b’rabta mas-serqa fil-banka tal-lottu. Iżda ftit wara jistaqsi wkoll dwar il-mewt ta’ Rose Darmanin. Wara ż-żjara tal-ispettur, Tereża tissuspetta li Sandro qiegħed jaħbi xi ħaġa. Ftit wara hi tintebaħ fejn kienet taf lil Roger. Max jagħti twissiha lil Pierre.

Elf Metodu – One fl-10.30pm

Ripetizzjoni tal-ewwel puntata li xxandret il-Ħadd li għadda. Karen hija mara apoloġetika għall-aħħar, hair-dresser u tipprova tkun ħabiba u tintogħġob ma’ kulħadd. Żewġha Deemer jaqlibhielha u jaħqarha filwaqt li l-kelb tiegħu, Elvis, jieħu gost jgħaddiha biż-żmien. Meta Karen tagħmel ħbieb ġodda, żewġha  jiħux pjaċir u lil Karen jgħarralha. Imma mbagħad l-affarijiet jieħdu xejra mhux mistennija…

X’Sar Minnhom? – TVM fl-10.05pm

Il-mistieden tal-lum huwa l-attur Leonard Falzon, li għamel ħafna xogħol fit-teatru iżda li wkoll niftakruh fis-sensiela F’Salib it-Toroq fejn kien jinterpreta l-karattru ta’ Ġianni l-Kennies, b’ħafna stejjer u intriċċi li kienu jduru madwar il-karattru ferm popolari ta’ Karmelina. Iżda lil hinn mit-teatru u t-televiżjoni, Falzon għandu ħafna x’jirrakkonta, fosthom anki nsiru nafu f’hiex tidħol id-dixxiplina!

Ħajjitna Ktieb – TVM fl-10.30pm

Il-mistieden tat-tieni programm huwa John A. Bonello li se jitkellem dwar il-ktieb Zero, adattament tal-ktieb Taljan li wkoll jismu Zero, mitkub minn Luigi Ballerini. L-istorja hija dwar tifel li minn mindu kien żgħir inżamm maqful mingħajr l-ebda kuntatt ma’ barra. It-tifel dejjem ħaseb li hu kien waħdu. Dan sakemm ġurnata waħda jinqata’ d-dawl u jinfetaħ il-bieb ta’ fejn kien jgħix u jsib ruħhu barra fid-dinja vera!

Ħajjitna Ktieb – TVM2 fis-2pm

Ripetizzjoni tal-ewwel programm li xxandar il-ġimgħa l-oħra fejn naraw lil John Demanuele jitkellem ma’ Salv Sammut, l-awtur tal-ktieb Ix-Xirka tal-Beati Paoli, li hu maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti il-ktieb jiehu lil qarrej f’boarding school tas-subien fejn isiru abbużi. Fit-Tieni parti, il-ktieb jiehu l-qarrej 30 sena wara, meta s-subien kibru u saru adulti, u jibdew iseħħu serje ta’ qtil makabri.

Family Affair – Net fit-3.30pm

Il-programm tal-lum jinkludi bosta rkejjen interessanti fosthom dik ta’ kull nhar ta’ Ħamis li titmexxa minn Angela Coleiro, u li llum matulha se tkun qed tiddedikaha lil Celine Dion.

Beautiful – Canale 5 fis-1.40pm

Bill iqabbad lil Justin biex isib provi konkreti biex ikun jista’ jipprova l-involviment ta’ Ridge biex ikun jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-imħallef fil-każ tal-kustodja ta’ Will.

Una Vita  – Canale 5 fis-2.10pm

Ritratt: Boonerang TV

Susanna tintervjeni biex tgħin lil Rosina teħles minn Maria. Bl-għajnuna ta’ Cesarea takkuża lil Maria b’serq.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.10pm

Ritratt: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.A.

Elsa u Isaac jiddeċiedu li jippruvaw jitkixxfu min seta’ kien missier it-tarbija li Antolina kienet qegħda ġġorr.

Euro Games – Canale 5 fid-9.25pm

Ritratt: Mediaset

Ilary Blasi u Alvin jippreżentaw edizzjoni oħra ta’ dan il-programm, format modern tal-logħob tal-Giochi Senza Frontiere.

What A Girl Wants – La 5 fid-9.10pm

Film tal-2003 u li huwa mmirat għall-familja kollha, speċjalment udjenza żagħżugħa dwar tfajla Amerikana li tmur l-Ingilterra biex issir taf lil missierha li qatt ma ltaqgħet miegħu. Ħajjitha tinbidel meta ssir taf li dan ikun Nobbli Ingliż

Un Passo dal Cielo – Rai Uno fid-9.25pm

Ritratt: Uffiċju Stampa RAI

I Figli di Deva huwa l-isem tal-episodju tal-lejla fejn naraw lil Francesco jistħarreġ il-qtil ta’ mara li ġiet lura f’San Candido biex tfittex it-tarbija tagħha. L-istħarriġ iwassal biex jinkixfu sigrieti dwar Isabella u ommha.

Once Upon A Time in London – ġdid fuq Netflix

It-tewmin Ingliżi Kray jibqgħu magħrufa fl-istorja tal-kriminalità fl-Ingilterra għas-snin ta’ terrur u atti kriminali li wettqu mifruxa  bejn is-Snin 50 u s-Snin 60. Kellhom hang ta’ kriminali msejjaħ The Firm li ismu kien ikexkex lill-kriminali oħra meta kienu jidħlulhom fl-għalqa tagħhom. F’dan il-film li ħareġ din is-sena narawhom minn kull lat bil-partijiet ewlenin maħduma minn  Leo Gregory, Terry Stone, Holly Earl, Dominic Keating u Geoff Bell.