X’tista’ tara llum il-Ħadd fuq it-TV

X Factor jibda llejla. Dettalji aktar 'l isfel

Servizz ta’ kuljum fuq newsbook.com.mt b’tagħrif dwar uħud mill-programmi tal-ġurnata.

Il-Ħadd 6 ta’ Ottubru

Ħadd Għalik – TVM f’12pm

Fl-ewwel programm ta’ Ħadd Għalik se jiltaqgħu l-istudenti tal-MCAST u studenti tal-Università. Ħafna nies jaħsbu li dawn huma rivali ta’ xulxin, però lanqas xejn! Se nsiru nafu għalxiex qegħdin jistudjaw u kurżitajiet oħra. Se jkollna wkoll ħafna studenti fis-sala.

Ċappas – TVM fit-3pm

Programm divertenti, kreattiv u kulurit fejn nesploraw l-arti u l-forom varji tagħha bis-sehem tal-artist Xandru Mallia u l-attur Mario Cassar. Il-mistednin  ma jonqsux u għall-ewwel programm se naraw lill-attur Matthew Sant Sultana.

X Factor Malta – TVM fid-8.50pm

Illejla tiftaħ it-tieni edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni televiżiva fejn fl-ewwel programmi se nkunu qed insegwu siltiet mill-auditions ta’ dawk li applikaw. Huma se jkunu qed jiġu ġġudikati minn Howard Keith Debono, Ira Losco, Ray Mercieca u Alexandra Alden, filwaqt li Ben Camille imexxi l-programm.

Elf Metodu – One fid-9.15pm

Karen hija mara apoloġetika għall-aħħar, hair-dresser u tipprova tkun ħabiba u tintogħġob ma’ kulħadd. Żewġha Deemer jaqlibhielha u jaħqarha filwaqt li l-kelb tiegħu, Elvis, jieħu gost jgħaddiha biż-żmien. Meta Karen tagħmel ħbieb ġodda, żewġha  jiħux pjaċir u lil Karen jgħarralha. Imma mbagħad l-affarijiet jieħdu xejra mhux mistennija…

Il-Kelma – One fil-11.30am

Antonella Galea Loffreda tippreżenta dan il-programm fejn is-suġġetti li ser titkellem dwarhom jittieħdu mill-Evanġelju li jinqara fil-knejjes tagħna l-Ħadd. L-ewwel mistiedna fl-istudjos se jkunu Ian Diacono, seminarista li bħalissa qed jaħdem mat-tfal tad-dar ta’ San Ġużepp, u Bernadette Briffa, li hija social worker fid-Dar Merħba Bik. Ben għandha esperjenza vasta u ħadmet u ltaqgħet ma’ ħafna sitwazzjonijijet sbieħ u anke inqas sbieħ. Is-suġġett tal-ewwel programm huwa l-Fidi. X’inhi l-fidi? Fidi  fiex?  Għaliex hija importanti fil-ħajja tal-bniedem li jkollu l-fidi? Fr Marcello Ghirlando OFN se jagħtina l-ispjega tal-Vanġelu mil-lat Bibbliku u fl-aħħar tal-programm Fr Louis Mallia se jagħtina l-ispjega tal-qaddisin tal-ġimgħa.

L-Għoġol tad-Deheb – One fl-4.30pm

Pia tkun tilfet kollox. Id-dar, il-ħbieb, il-familja… tant li tispiċċa terġa’ tmur tgħix għand iz-zija Raquel. Imma xi jkun ġara? Minbarra hekk, niskopru li d-dar tan-nanna Carmen tkun se tispiċċa milli tkun proprjeta’ taz-zija Rita u taz-ziju Ino u tkun se tmur għand l-eredi tal-Gran Mastru Antoine De Vilhena. Imma għaliex jiġri dan? Issiru tafu dan kollu, u ħafna iktar, din il-ġimgħa.

Beautiful – Canale 5 fis-2pm

Pam tistqarr ma’ Charlie li ma  tħosshiex lesta li tiżżewweġ.  Justin jgħarraf lil Bill li skopra l-identità tal-persuna li kkorrompa lill-Imħallef.

Una Vita – Canale 5 fis-2.30pm

Illum jixxandru tliet puntati wara xulxin ta’ din it-telenovela Spanjola. In-nisa ta’ Acacias jilmħu lil Ursula fit-triq u jibdew jinsulktawha jinsultawha. Fr. Telmo jinżerta jinzerta jkun għaddej u jmur biex itiha l-għajnuna tiegħu. Samuel jilqa’ f’daru raġel misterjuż u perikoluż.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.15pm

Alvaro jgħarraf lil Isaac li Antolina mhux tassew kienet tqila qabel ma’ żżewwġet.

Proud Mary – ġdid fuq Netflix

Film mimli azzjoni tas-sena l-oħra li għamel profitt ta’ sitt miljun dollaru. Fil-partijiet prinċipali jidhru Taraji P. Henson, Billy Brown u Jahi Di’Allo Winston. L-istorja hija dwar mara assassina li tkun taħdem għal familja kriminali f’Boston. Il-mara dejjem wettqet kull qtil li ntalbet tagħmel imma jum minnhom ħajjitha tinbidel meta tiltaqa’ ma’ tifel meta tfalli missjoni li tkun imqabbda tagħmel. Hi tipprova ssalvah mit-toroq li jkun jgħix fihom bi skapitu għaliha stess.

Call me By Your Name – ġdid fuq Netflix

L-istorja tal-film isseħħ fl-1983 meta fis-sajf ta’ dik is-sena ż-żagħżugħ Elio Perlman ikun għall-vaganza mal-familja tiegħu fil-villa tagħhom fl-Italja. Hemhekk jiltaqa’ ma’ Oliver, student sabiħ żagħżugħ li jkun qed jaħdem ta’ tabib ma’ missieru. Maż-żmien iż-żewġ żgħażagħ jinġibdu lejn xulxin u dak is-sajf ikun żmien li jbiddlilhom ħajjithom għal dejjem. Fil-film ta’ sagħtejn u 12-il minuta li ħareġ fl-2017 jidhru Armie Hammer, Timothee Chalamet u Michael Stuhibarg. Il-film kien rebaħ Oscar fl-2018 għall-Best Adapted Screenplay.

Midnight Express – Netflix

Film li ħareġ 41 sena ilu bħal-lum u li parti kbira minnu nħadmet Malta u li fih jidhru atturi Maltin bħal Joe Zammit Cordina u George Portelli. L-istorja hija dwar żagħżugħ Amerikan li jinqabad ħiereġ bid-droga minn Istanbul fit-Turkija. Għall-ewwel jintbagħat erba’ snin ħabs fejn hemmhekk isofri kull abbuż. Iżda meta jgħaddu l-erba’ snin isir jaf li l-Qorti Torka kienet żiditlu 30 sena oħra ta’ priġunerija. Jispiċċa demoralizzat u jiddeċiedi li jaħrab mill-ħabs. Jaħdmu John Hurt, Brad Davis u Bo Hopkins.