X’tista’ tara llum il-Ħadd 20 ta’ Ottubru fuq it-TV

Servizz ta’ kuljum b’tagħrif dwar uħud mill-programmi li tista’ ssegwi fuq l-istazjonijiet lokali, Taljani u Netflix.

Il-Ħadd 20 ta’ Ottubru

A.D. The Bible Continues – Rete 4 fil-11am

The Body is Gone huwa l-isem tat-tieni episodju ta’ din il-minisensiela Amerikana tal-2015. Meta l-ġisem ta’ Ġesù jisparixxi, Pilatu u Kajfas ikunu konvinti li wara dan kollu hemm id-dixxipli.

Ħadd Għalik – TVM fit-12.15pm

Illum jikkompetu l-eroj kontra l-kattivi. Nies li ffisati fil-komiks u fil-manga cartoons. Iġemmgħu ħafna statwi żgħar u kbar tal-Marvels u komiks. Filfatt uħud minnhom għamlu kmamar apposta fid-dar tagħhom fejn ma jidħol ħadd fihom ħlief huma. Dawn ikunu kmamar mimlijja komiks, dvd’s u statwetti tal-komiks. Se naraw nies li saħansitra tgħallmu jitkellmu bil-Ġappuniż biex ikunu jistgħu jifhmu l-cartoons Ġappuniżi.  Dawn se jkellmuna ftit bil-Ġappuniż waqt il-programm ukoll. Tant kemm huma ffisati li anke t-tieġ ta’ wħud minnhom kien bit-tema tal-komiks, xi ħaġa li għal hawn Malta mhux normali li ssir. Se jilagħbu nies li huma l-imħuħ wara il-comicon ta’ Malta, festival li qiegħed jikber minn sena għal sena fejn jiltaqgħu dawk kollha li huma ffisati fuq dan is-suġġett.

Ċappas – TVM fit-3pm

Programm divertenti, kreattiv u kulurit fejn nesploraw l-arti u l-forom varji tagħha bis-sehem tal-artist Xandru Mallia u l-attur Mario Cassar. Il-mistednin fit-tielet programm huwa Ludwig Farrugia, li narawh jaħdem f’bsota sensiliet ta’ drama.

X Factor – TVM fid-9pm

It-tielet programm mit-tieni staġun ta’ din il-kompetizzjoni tekeviżiva fejn inkomplu naraw aktar auditions. Aktar parteċipanti jgħaddu għall-fażi li jmiss waqt li oħrajn il-vjaġġ tagħhom jieqaf illum. Tlett parteċipanti diġà kisbu għarfien fuq livell internazzjonali wara li l-auditions tagħhom ġew inklużi fuq X Factor Global. Dawn huma Justine Shorfid, Edward Abdilla u Kyle Cutaajr.

Aħbar Tajba – TVM2 fid-8.45am

Illum ukoll Elisa Saliba terġa’ ssaqsi mistoqsijiet relatati mal-Evanġelju li se jinqara fil-knejjes. Evanġelju skont San Luqa fejn Ġesù kien qed jirrakkonta meta kien hemm mħallef, li jiddiskrivih bħalha ħażin, u armla li riedet li hu jagħmel ħaqq kontra l-għadu tagħha. Damet tiffittah ħafna drabi sa fl-aħħar iddeċieda li jagħmilha ħaqq. X’irid ifisser Ġesù?  Kemm hu mportanti li nibqgħu nitolbu? Kif għandna nirraġunaw meta ma naqilgħux dak li nitolbu?

Sports – TVM 2

Fis-2.20pm Il-kampjonat tat-Triathlon, f’xandira diretta

Fil-5.15pm  Il-partita Tarxien – Balzan mill-BOV Premier, f’xandira diretta

Il-Kelma – One fl-10.30am

Antonella Galea Loffreda titkellem ma’  Fr Frankie Cini mssp u Mariella Catania dwar is-suġġetti li joħorġu mill-Evanġelju tat-tielet Ħadd ta’ Ottubru. F’dan ix-xahar qed nisimgħu l-Evanġelji skont San Luqa fejn Ġesù qed jirrakkonta parabboli u stejjer oħra li dejjem ikun fihom messaġġ qawwi. Messaġġ li għadu u jibqa’ relevanti sal-lum. Fr Marcello Ghirlando jkompli jagħtina tifsira mill-lat-Bibliku u Fr Louis ikellimna dwar il-Qaddisin tal-Ġimgħa.

L-Għoġol tad-Deheb – One fl-4.30pm

Jasal il-jum meta z-ziju Ino u z-zija Rita jiġu sfurzati jitilqu mid-dar tan-nanna Carmen darba għal dejjem. Fejn se jmorru jgħixu? Sadattant, Margerita tmur fl-appartament fejn Pia tkun qed tgħix u theddidha li jekk ma ssibx it-tielet teżor, hi u l-familja tagħha jispiċċaw ħażin. Pia x’tagħżel li tagħmel? 

Beautiful – Canale 5  fis-2pm

Ritratt: Howard Wise/jpistudios.com

Fid-dar tal-Forresters tiġi organizzata l-ikla ta’ Jum ir-Ringrazzjament. Eric jirringrazzja lil Pam u lil Charlie talli kienu sajru filwaqt li Hope tammira lil Liam għal mod kif hu missier devot lejn ibnu.

Una Vita – Canale 5 fis-2.30pm

Ritratt: Boomerang TV

Felipe jgħarraf lil Lucia li Samuel jinstab tajjeb iżda li ma jridx jirraporta l-każ. L-Alvarez Heroso jissuġerixxu lit-tfajla biex iżżomm ‘il bogħod minn Samuel. Hi ma tridx taf u finalment ikun hu li jgħidilha biex tagħmel dan.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.15pm

Ritratt: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.A.

Adela u Irene iħossuhom iffastidjati bl-intervent ta’ Francisca. Iżda jidher li n-nisa l-oħra qed jieħdu interess f’dak li għandha xi tgħid.

World  War Z – Italia 1 fid-9.20pm

Ritratt: Paramount Pictures / Skydance Productions/ Hemisphere Media Capital / GK Films

Film li parti minnu kienet inġibdet f’Malta li nħareġ fl-2013 bi Brad Pitt. Eks uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti jkun mal-familja tiegħu meta tfaqqa’ l-aħbar li fid-dinja bdiet epidemija li tkun qed tbiddel in-nies f’zombies. Għalhekk tibda tellieqa mal-ħin biex titwaqqaf din it-theddida għall-umanità li setgħet teqred l-istess umanità.

In a Valley of Violence – Rete 4 fid-9.25pm

Ritratt: PUMA

Raġel misterjuż u l-kelb tiegħu jkunu jaqsmu deżert biex imorru l-Messiku. Qabel jaslu jsibu rwieħhom f’belt minsija fejn fiha tkun issaltan il-vjolenza, bit-tifel tal-kap tal-belt il-perċimes tal-inkwiet… Il-film ħareġ fl-2016 b’John Travolta, Ethan Hawke u Karen Gillan.

Eli – Netflix

Film tan-Netflix li ħareġ għall-ewwel darba din is-sena b’tul  ta’ siegħa u 38 minuta bl-atturi prinċipali Kelly Reilly, Sadie Sink, Lili Taylor u Max Martin. Il-film hu deskritt bħala wieħed tal-biża’ u jittratta l-każ ta’ tifel li jkun ibati minn kundizzjoni li minħabba fiha jkollu jibqa’ d-dar. Jibda jingħata t-trattament li jkollu bżonn imma maż-żmien jibda jirrealizza li daru ma kinitx ta’ sigurtà għalih daqs kemm kien jaħseb għall-bidu.

Seventeen – Netflix

Żagħżugħ ta’ 17-il sena li jkun miżmum f’dar għal dawk milquta b’xi kundizzjoni jaħrab mill-post biex jipprova jsib kelb li kien jgħinu fit-terapija biex ifiq. It-tfittxija għall-annimal twasslu biex jerġa’ jagħmel kuntatt ma’ ħuh u nanntu u jispiċċa jagħmel vjaġġ twil fi Spanja. Jaħdmu Biel Montoro u Nacho Sanchez.