X’tista’ tara llum il-Ħadd 13 ta’ Ottubru fuq it-TV

Servizz ta’ kuljum b’tagħrif dwar uħud mill-programmi tal-ġurnata.

Il-Ħadd 13 ta’ Ottubru

Ħadd Għalik TVM f’12.15pm

Ħafna nies jieħdu gost isegwu d-drama fuq t-televiżjoni però hawn oħrajn li jħobbu jmorru t-teatru biex jaraw xi dramm li jinteresshom. Illum jiltaqgħu l-atturi tat-televixin kontra l-atturi tal-palk. L-isfida bejn Mario u PJ ma tonqosx.

Ċappas – TVM fit-3pm

Programm divertenti, kreattiv u kulurit fejn nesploraw l-arti u l-forom varji tagħha bis-sehem tal-artist Xandru Mallia u l-attur Mario Cassar. Il-mistednin fit-tieni programm huwa Stephem Mifsud, jew kif inhu magħruf aktar bħala Carmelo ta’ Min Imissu?!

X Factor Malta – TVM fid-9pm

It-tieni programm f’dan l-istaġun fejn inkomplu nsegwu aktar auditions. Illum naraw aktar parteċipanti li wħud minnhom se jgħaddu għall-fażi li jmiss. Il-ġimgħa l-oħra Justine Shorfid impressjonat bil-kbir, tant li l-audition tagħha spiċċat ukoll fuq X Factor Global

Aħbar Tajba – TVM 2 fid-08.45am

Fr Martin Cilia mssp jispjega bir-reqqa t-tifsira tal-Evanġelju tat-Tieni Ħadd ta’ Ottubru wara li Elisa Saliba tistaqsieh mistoqsijiet relatati ma’ dan. L-Evanġelju jitkellem dwar meta Ġesù fejjaq l-10 irġiel morda bil-Lebbra u wieħed biss mar jirringrazzjah li fejqu. Fr Martin tinterpreta din il-ġrajja billi spjega kif dak is-Sammaritan li mar jirringrazzja lil Ġesù, fieq mhux biss mill-marda imma ukoll spiritwalment. Aħna llum il-ġurnata minn x’hiex irridu nfiequ? Kemm hu mportanti li nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna u nitolbu maħfra. Kemm hu mportanti li nkunu nafu lilna nfusna sew? 

Waterpolo – TVM2 fis-2.30pm

Xandira rekordjata tal-logħba Malta – Rumanija.

Il-Kelma – One fil-11.30am

Antonella Galea Loffreda, titkellem dwar suġġetti li joħorġu mill-Evanġelju li se  jinqara u spjegat fit-tieni Ħadd t’Ottubru. Il-mistiedna fl-istudios se jkunu Lorraine Tabone u Joseph Pellicano. Il-Ħniena huwa s-suġġett li se jiġi diskuss peress li l-Vanġelu se jittratta l-kliem ta’ Ġesù li meta ltaqa’ ma’ 10 irġiel bil-lebbra, fejjaqhom imma wieħed biss, is-Sammaritan mar jirringrazzjah. Il-gratitudni lejn Alla li ħalaqna, il-gratitudni lejn Alla kuljum meta nqumu u qabel ma’ norqdu. Il-gratitudni lejn dak kollu li hawn madwarna. Fr Marcello Ghirlando għal darb’oħra mill-kunvent tal-Franġiskani f’Għawdex jagħtina spjega mil-lat Bibbliku ta’ dan l-Evanġelju u fl-aħħar tal-programm Fr Louis Mallia ser jagħtina l-ispjega tal-Qaddisin tal-ġimgħa. 

L-Għoġol tad-Deheb – One fl-4.30pm

Fl-aħħar episodju rajna kif Aaron u Margerita jkunu qabdu lil Pia, rabtuha u ħallewha waħedha f’għar. It-tifla tipprova tinħeles imma kollu jkun għalxejn. Min se jsalvaha? Imma għaliex jiġri dan? Minbarra li nirrispondu dawn il-mistoqsijiet u ħafna iktar, insiru nafu wkoll kif il-ħbiberija bejn iz-ziju Ino u Milton bdiet.

Elf Metodu – One fid-9.15pm

Wara li Karen tiġi akkużata bil-qtil makabru ta’ żewġha, isimha jispiċċa fuq ilsien in-nies. Saħansitra l-klijenti regolari tas-salon tagħha jibdew jgħidu biha. Imma l-isbaħ hu li mid-dehra hemm ħafna persuni li jixtiequ jeħilsu mir-raġel u jaqbdu jitolbu lil Karen biex tgħinhom. Fost dawn niltaqgħu Svetlana, tfajla li tixtieq teħles minn missierha ta’ bla rispett…

Beautiful – Canale 5 fis-2pm

Katherine Kelly Lang, Heather Tom, Ingo Rademacher, Joe Lando u Thorsten Kaye f’The Bold and the Beautiful. Ritratt: Howard Wise/jpistudios.com

Brooke ma ċċedix għall-insistenzi ta’ Bill li jrid ikun jaf aktar dwar dak li għadda bejn Ridge u l-Imħallef McMullen.

Una Vita – Canale 5 fis-2.30pm

Espineira ma jħossx li għandu jafda lil Joaquìn u għalhekk item l-alleanza ta’ bejniethom. Samuel ikompli jinsisti li Lucia tkompli tostor il-vera identità tagħha. Íñigo, mgħejjun minn Liberto, jikxef il-qerq ta’ Higinio.

Il Segreto – Canale 5 fl-4.15pm

Isaac jitlaq minn Puente Viejo biex isib lil dak li jkun ħareġ lil Antolina tqila.

Two Small Voices – ġdid fuq Netflix

Film li kien inħadem għat-TV fl-1997 b’tul ta’ siegħa u nofs b’Mary McDonnell, Gail O’Grady u Richard Gilliland fil-partijiet ewlenin. Fl-istorja nitaqgħu ma’ żewġ nisa li jinqalgħulhom promlemi f’saħħithom wara Ii ssirilhom operazzjoni f’sidirhom li għall-bidu jkun jidher li kellha tkun bla problemi. Iżda ma jkunx hekk u ż-żewġ nisa jingħaqdu flimkien kontra l-kumpaniji mdaħħla fil-każ biex jikxfu dak li dawn ikunu qed jaħbu.