X’tip ta’ Knisja jixtieq li jkollna l-Isqof Mario Grech?

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li jrid Knisja li tiddefendi tassew il-libertà vera li tkabbar lill-bniedem għax tgħinu jissodisfa tassew lilu innifsu. Huwa semma li fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-festa tal-Kunċizzjoni tkellem dwar il-libertà vera.

Fil-programm Newsline fuq RTK, l-Isqof Grech qal li uħud mill-attitudnijiet u l-għażliet pastorali tal-Knisja “ma jagħmlux sens” għaż-żminijiet tal-lum.

Meta elenka l-viżjoni tiegħu dwar il-futur tal-Knisja f’Malta u Għawdex, l-Isqof Grech qal li ma jistax ikun hawn “knisja klassista” iżda knisja li teħles lill-bniedem mill-piżijiet żejda. Saħaq dwar l-importanza li jingħata iktar spazju lil Ġesù Kristu fi Knisja li tilqa’ lill-bniedem tal-lum.

Huwa semma l-esperjenza sabieħa li kellu meta iltaqa’ mal-missjunarji Maltin u Għawdxin fil-Peru. Semma li l-Knisja f’pajjiżna tistaż titgħallem ħafna mill-Knisja fil-missjoni.

F’parti oħra tal-intervista l-Isqof Grech tkellem dwar esperjenzi li bidluh.

L-Għawdxin iħallsu terz mill-ispiża għal 4″ djar tal-karità fil-Perù

“Fil-ħajja mhux kulma jleqq huwa deheb” – l-Isqof Grech

Is-suq ħieles ġieli jnaqqas il-libertà

Filwaqt li faħħar il-fatt li llum Malta għandha istituzzjoni statali li tieħu ħsieb il-libertajiet ċivili, staqsa jekk hux dejjem inkunu qed ngħixu fil-liberta. Bħala eżempju semma l-abbużi li jsiru mis-suq ħieles b’riżultat li ma jkunx hawn tqassim ġust tal-ġid bejn kulħadd. Bħala eżempju rrefera għal min qed japprofitta mill-prezzijiet tal-kera. Argumenta li huwa d-dmir tas-saċerdoti li jinkarnaw il-vanġelu biex isir dawl ghal ħajja ta’ kuljum tal-bniedem.

Proġett b’risq l-istudenti Għawdxin

L-Isqof Mario Grech saħaq dwar l-azzjoni tal-karità li qal tagħti kredibiltà mhux biss lill-Knisja iżda wkoll lill-Vanġelu. Hawnhekk irrefera għall-proġett li tnieda dan l-aħħar mid-djoċesi t’Għawdex biex tgħin fl-akkomodazzjoni ta’ studenti Għawdxin li jixtiequ jkomplu l-edukazzjoni terzjarja tagħhom, iżda ma jistgħux minħabba diffikultajiet finanzjarji.

Il-Knisja tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta

Huwa qal li d-djoċesi ta’ Għawdex  issa fetħet żewġ postijiet biex studenti Għawdxin ikollhom post fejn joqgħodu bl-irħis. L-Isqof Grech semma li bħalissa qed jibbenefikaw minn dan il-proġett ħames studenti. Qal li jittama li s-sena d-dieħla jkunu jistgħu jibbenefikaw ħafna aktar studenti.

L-Isqof t’Għawdex semma proġett ieħor biex il-familji Għawdxin jaddottaw familja ta’ refuġjati, iżda qal li tliet familji biss wieġbu għal din is-sejħa.

Fl-aħħar nett aċċenna għal ittra li rċieva minn missier li qallu li filwaqt li jifhem l-piżijiet tal-kariga ta’ Isqof, qallu li r-responsabiltajiet ta’ omm u missier mhumiex inqas. Huwa qabbel il-ministeru tal-Isqof ma’ dak li jgħixu l-ġenituri li minkejja li jkunu jixtiequ l-aħjar għal uliedhom, dawn mhux dejjem jisimgħu minnhom.