X’tibdil se jkun hemm fiċ-childcare centres?

Ġenituri li minn għada se jerġgħu jibdew iħallu lil uliedhom fiċ-childcare centres mhux se jkunu penalizzati jekk ikun hemm ġranet fejn jiddeċiedu li jżommu lil uliedhom id-dar minflok. Qabel, ġenituri li jfallu mingħajr raġuni valida kienu jkunu f’riskju li jitilfu l-post ta’ wliedhom miċ-Childcare Centre.

Dan kien ikkonfermat permezz ta’ email mibgħut lill-ġenituri li jagħmlu użu mill-iskema tal-Gvern magħrufa bħala l-Free Childcare Scheme. Intant, il-Ministeru għas-Saħħa ħareġ sett ta’ linjigwida dettaljati li jħarsu lejn spunti differenti li jridu jkunu mħarsa minħabba l-pandemija.

X’inhuma wħud mill-punti ewlenin mil-linji gwida:

  • Ventilazzjoni adegwata fil-kmamar fuq ġewwa.
  • Jekk se jkun hemm l-użu tal-arja kkundizzjonata l-filters iridu jkunu mnaddfa u miżmuma skont kif tirrikjedi s-Saħħa Pubblika.
  • L-istaff u tfal ‘il fuq minn tliet snin iridu jilbsu l-maskri jew visors il-ħin kollu.
  • L-istaff irid iżomm id-distanza ta’ żewġ metri minn xulxin, jevita tgħanniq u kuntatt żejjed mat-tfal, u jevita li jmiss wiċċu.
  • Il-ġenituri għandhom jevitaw li jibdlu ċ-childcare centre li kienu jiffrekwentaw uliedhom qabel il-pandemija.
  • Iċ-childcare centre irid ikollu tifel jew tifla għal kull sitt metri kwadri biex ikun iktar faċli li tinżamm id-distanza soċjali.
  • Iċ-childcare centres li jaqgħu taħt il-Free Childcare Scheme se tittieħed l-attendenza tal-istudenti permezz tas-sistema tal-fobbing u sistemi oħrajn online.
  • L-istaff hu rakkommandat jagħmel swab tests b’mod regolari u volontarju.
  • Il-ġenitui għandhom jaraw it-temperatura ta’ wliedhom kull filgħodu qabel ma jittieħdu fiċ-childcare centre. Jekk it-tfal ikunu ma jifilħux, dawn għandhom jinżammu d-dar.
  • L-ikel tat-tfal għandu jitpoġġa f’kontenituri li jintużaw darba u jintremew.
  • It-tfal m’għandhomx jitħallew jilgħabu fi gruppi ta’ aktar minn sitta. Idealment it-tfal għandhom jinżammu fl-istess gruppi.
  • Fil-ħinijiet tal-irqad, is-saqqijiet tat-tfal għandhom ikunu żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin fejn hu possibbli.
  • Ġenituri li ma jsegwux il-linji gwida jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom li wliedhom jużaw dawn iċ-ċentri.
  • Jekk ikun hemm ġranet fejn il-ġenituri ma jiħdux lit-tfal iċ-childcare centre, dawn mhux se jkunu penalizzati.

Tista’ taqra l-linjigwida b’mod sħiħ minn hawn.

Il-benefiċċju għal ġenituri estiż sat-3 ta’ Lulju

Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet illum wara nofsinhar, il-Ministeru għall-Familja ħabbar li l-ħlas temporanju tal-Benefiċċju ta’ Ġenitur u dak Addizzjonali għal Diżimpjieg għalissa se jibqa’ jsir kull ġimgħa, iżda se jkun qed jitwaqqaf b’effett mill-Ġimgħa, 3 ta’ Lulju 2020, liema pagament dakinhar ikun ikopri l-perjodu mis-27 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Lulju 2020.

Kien spjegat li l-aħħar ġimgħa n-numru ta’ applikazzjonijiet ġodda kien minimu ħafna, waqt li komplew jiżdiedu dawk li waqqfu l-benefiċċju għax irritornaw għax-xogħol. Tħabbar illi l-applikazzjonijiet ġodda issa jinsabu magħluqa ħlief għall-persuni li jitilfu l-impjieg b’kawża diretta tal-Covid-19. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati b’mod dirett wara li jkunu rreġistraw mal-Jobsplus.

Il-ħlas temporanju tal-Benefiċċju tad-Diżabiltà u dak Mediku se jitwaqqaf b’effett minn għada, il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2020, liema pagament li qed isir propju llum ikopri l-perjodu mit-30 ta’ Mejju sal-5 ta’ Ġunju 2020.

Il-Benefiċċju Kontributorju tal-Qgħad u l-Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg, li huma benefiċċji u għajnuniet permanenti, jibqgħu jitħallsu lil dawk eleġibbli skont il-każ.

Kien spjegat li wara l-ħlas ta’ din il-ġimgħa, is-somma totali f’benefiċċji issa telgħet għal €13.2m, inkluż il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon sostna madwar 8,400 persuna li se jkunu tħallsu dawn il-benefiċċji bejn il-bidu ta’ Marzu u l-bidu ta’ Lulju se jkunu rċevew b’kollox madwar €17.5m f’benefiċċji fi ftit anqas minn erba’ xhur.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu sostna li x-xejra ta’ dawn l-aħħar ġimgħat kompliet anke din il-ġimgħa, fejn issa hemm 711-il persuna li kienu qed jirċievu xi wieħed mill-benefiċċji u rritornaw għax-xogħol, inkluż 234 li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u waqfu għax sabu xogħol.

Iċ-childcare centres lesti biex jiftħu l-bibien tagħhom – Kamra tal-SMEs

Min-naħa tagħha, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji sostniet li wara ftehim milħuq bejnha u bejn iċ-Childcae Centre Providers Association fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, iċ-childcare centres madwar Malta u Għawdex huma attrezzati biex jiftħu l-bibien tagħhom minn għada.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-SMEs qalet li ċ-childcare centres huma għodda neċessarja sabiex iżidu l-parteċipazzjoni femminili fid-dinja tax-xogħol.

L-entitajiet tkellmu dwar il-protokoli tas-saħħa li se jagħtu standard aktar għoli lis-servizz provdut minn dawn iċ-ċentri fi żmien il-coronavirus. Huma fakkru li dawn iċ-ċentri diġà kienu joperaw bi protokolli stretti partikolarment fejn jidħlu tfal morda u anke t-tindif tal-bini nniffsu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn