Awdjo: X’tattika uża Abela biex jirbaħ lil Fearne?

Read in English.

Minn backbencher Robert Abela rnexxielu jirbaħ kontra Chris Fearne, id-Deputat PM ta’ Joseph Muscat għax iffoka kompletament fuq il-membri tal-partit tiegħu minflok fuq il-pajjiż sħiħ, skont l-antropoloġista Ranier Fsadni.

Fsadni, li huwa wkoll opinjonista, qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq 103 Malta’s Heart. Id-diskussjoni kienet immexxija minn Fr Joe Borg u minn Peppi Azzopardi.

Fsadni qal li Abela uża kliem meqjus waqt il-kampanja tiegħu u rebaħ il-fiduċja tad-delegati. Meta għamel dan, beda jippreparhom għat-tibdil. Spjega li uża l-kelma “kontinwità” imma eventwalment spjega li kienet tfisser ukoll bidla.

Fi kliem Fsadni, Abela kien tajjeb fl-użu tal-persważjoni. B’din it-tattika wieħed jirbaħ il-fiduċja ta’ xi ħadd billi jurihom li qegħdin fuq l-istess paġna u wara jikkonvinċihom jagħmlu kif qed jgħidilhom hu.

Peppi Azzopardi xebbaħ il-kampanja mal-elezzjonijiet tal-1996. Spjega li bħal ma kien għamel il-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Fearne tkellem bħal li kieku kien diġà elett.

Min-naħa l-oħra Abela tkellem mas-sapporters tiegħu. Azzopardi qal li din kienet ħaġa li għamel Alfrd Sant u li b’hekk rebaħ.

Azzopardi qal li Abela ma kienx qed jinteressah x’kien qed jintqal barra mill-partit peress li kien qed jipprova jakkwista l-vot tad-delegati Laburisti u mhux li jara li n-nies barra mill-partit jaċċettawh.

Spjega li fl-aħħar tal-kampanja Muscat ġie mpenġi bħala eroj u meta ra dan Abela beda jitkellem dwar it-tkomplija tax-xogħol ta’ Muscat. Semma kemm-il darba li baqa’ leali lejn Muscat sal-aħħar.

Fi kliem Azzopardi, peress li l-partitarji Laburisti ma riedux lil Muscat jitlaq, huma għażlu l-għażla li għalihom kienet l-eqreb lejn Muscat – Abela.

Fsadni tkellem dwar l-ewwel ġimgħa ta’ Abela bħala PM u qal li hu għamel azzjonijiet simboliċi. Spjega li ma tantx kellu aktar ħin biex jagħmel dak li diġà għamel fl-aħħar jiem.

Fsadni qal li n-nies jaf jaħsbu li Abela qed jgħid ħaġa meta l-PM ikun irid ifsser xi ħaġa kompletament differenti.

Fsadni qal li r-reshuffle ta’ Abela sar bi ħsieb, ħlief għad-deċiżjoni li jżomm l-armata bħala parti mill-portafoll tal-Ministru għall-Intern. Qal li kull Ministru li kien qed jaffaċċja allegazzjonijiet jew kawżi fil-Qorti li setgħu jmorru ħażin, ħlief Edward Scicluna, tħalla barra mill-Kabinett jew ingħata portafoll ieħor.

Żied jgħid li waqt li Abela kien qed jgħid li m’hemmx ħafna problemi bir-rispett lejn il-liġijiet f’Malta, l-azzjonijiet tiegħu s’issa juru mod ieħor.

Azzopardi qal li ma kienx Abela li inbidel imma l-udjenza tiegħu – qabel kienet il-partit, issa l-udjenza saret in-nazzjon. Żied jgħid li kieku Abela ħabbar li ma kienx se jordna li jitneħħew il-fjuri mill-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia n-nies kienu jkunu aktar xettiċi dwar jekk għandhomx jivvutawlu.

Fsadni tkellem dwar id-deċiżjoni ta’ Abela dwar il-mafkar u qal li l-gvern ta’ Muscat kien jordna li jitnaddaf biex jevita l-ġlied.

Fsadni qal li l-gvern kien qed jibża’ mir-reazzjoni tal-partitarji tiegħu. Żied jgħid li dan kien il-mod ta’ kif il-gvern kien jikkontrolla l-ordni pubblika. Però Fsadni qal li dan ma jiġġustifikax l-azzjoni. Qal ukoll li dan sar biss għax il-midja tal-Partit Laburista kienet tiddemonizza lil Daphne Caruana Galizia.

Dwar l-istess suġġett Peppi Azzopardi qal li ħafna partitarji tal-PL ingħataw informazzjoni ħażina dwar il-kitbiet ta’ Caruana Galizia. Qal li għalkemm kien hemm drabi fejn m’għaddietx kummenti sbieħ kien hemm nies li qed jatribwixxu kliem lil Caruana Galizia li hi qatt ma kitbet. Azzopardi qal li minħabba f’hekk kien hemm nies li jgħidu li kien ħaqqha tinqatel minħabba dak li kitbet.