Xtara oġġetti minn ħwienet f’Ħal Qormi u ħallas b’karti foloz tal-€100

Raġel ta’ 31 sena minn Ħal Qormi ngħata s-sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal tliet snin wara li nstab ħati li xtara oġġetti bi flus foloz.
Huwa kien akkużat li xtara bukkett tal-fjuri u vawċer tat-top up tal-mowbajl b’karta tal-€100 falza u ftit wara xtara pakkett tas-sigarett b’karta oħra tal-€100 falza.
Il-ħwienet iffrodati kienu t-tnejn f’Ħal Qormi.
Fil-Qorti, l-akkużat ammetta li kien xtara l-affarijiet b’karti tal-€100 iżda ċaħad l-akkuża li kien jaf li kienu flus foloz.
Intqal li kellu problema bid-droga u tpoġġa taħt superviżjoni. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas lis-sidien tal-ħwienet fi żmien sitt xhur.