Xtaq jaddotta kelb li ħadd ma ried… u addotta 10!

Ritratt: Instagram

Steve Grieg mill-Colorado, fl-Istati Uniti, ħassu mitluf wara li l-kelb tiegħu kien miet.

Xahrejn wara li l-kelb kien miet, hu xorta kien qed iħossu mdejjaq u għalhekk iddeċieda li jaffronta n-niket li kien qed iħoss b’mod differenti minn ħaddieħor, u għalhekk mar f’santwarju tal-annimali biex jaddotta kelb li l-inqas kellu ċans li jiġi addottat.

Ħass li wara l-mewt tal-kelb tiegħu, issa kellu ċ-ċans lijagħti ħajja aħjar lil xi kelb ieħor.

Ritratt: Instagram

Għalhekk addottat kelb Chihuahua ta’ 12-il sena li għandu problemi f’qalbu u problemi fl-irkoppa. Ħadu miegħu d-dar u dan kien il-bidu għalih biex jibda jaddotta aktar annimali.

Issa fil-fatt hu qed irabbi 10 klieb ta’ età kbira, ħanżir li semma’ Bikini, żewġ tiġigiet, żewġ papri, żewġ hamimiet, bosta qtates, fenek u vaska mimlija ħut tar-razza Koi.

Ħajjet Steve tista’ tgħid li nbidlet minn lejl għan-nhar għax issa r-rutina tiegħu tibda mill-5 ta’ filgħodu.

L-ewwel ħaġa li jagħmel huwa li jipprepara l-ikel tal-klieb, li minħabba li kollha għandhom kundizzjonijiet differenti, għandhom dieta differenti.

Wara li jitma’ l-annimali kollha, huwa jagħti l-mediċina li dawn l-istess klieb għandhom bżonn.

Ritratti: Instagram

Bħal ħafna, huwa jmur għax-xogħol, iżda fil-ħin ta’ nofsinhar imur lura d-dar biex jiċċekkja fuqhom, u anki joħroġhom ftit.

Fi tmiem il-ġimgħa, ir-rutina tiegħu hi waħda mimlija hekk kif jieħu l-annimali għall-check ups għand il-veterinarju jew inkellha għall-grooming. Kollox jiddependi mill-bżonnijiet tal-annimali.
Għalissa mhux se jdaħħal aktar annimali, iżda huwa determinat li wara li dawn imutu, jġib aktar annimali għax iħoss li jista’ jagħti mħabba kbira lil dawn il-klieb li għax ikunu kbar fl-età jew għax ikollhom xi kundizzjoni, ħaddieħor ma jkunx irid, u b’hekk jista’ jagħmlilhom differenza fl-aħħar snin ta’ ħajjithom.