Steve Grieg mill-Colorado, fl-Istati Uniti, ħassu mitluf wara li l-kelb tiegħu kien miet.
Xahrejn wara li l-kelb kien miet, hu xorta kien qed iħossu mdejjaq u għalhekk iddeċieda li jaffronta n-niket li kien qed iħoss b’mod differenti minn ħaddieħor, u għalhekk mar f’santwarju tal-annimali biex jaddotta kelb li l-inqas kellu ċans li jiġi addottat.
Ħass li wara l-mewt tal-kelb tiegħu, issa kellu ċ-ċans lijagħti ħajja aħjar lil xi kelb ieħor.

Għalhekk addottat kelb Chihuahua ta’ 12-il sena li għandu problemi f’qalbu u problemi fl-irkoppa. Ħadu miegħu d-dar u dan kien il-bidu għalih biex jibda jaddotta aktar annimali.
Issa fil-fatt hu qed irabbi 10 klieb ta’ età kbira, ħanżir li semma’ Bikini, żewġ tiġigiet, żewġ papri, żewġ hamimiet, bosta qtates, fenek u vaska mimlija ħut tar-razza Koi.
Ħajjet Steve tista’ tgħid li nbidlet minn lejl għan-nhar għax issa r-rutina tiegħu tibda mill-5 ta’ filgħodu.
L-ewwel ħaġa li jagħmel huwa li jipprepara l-ikel tal-klieb, li minħabba li kollha għandhom kundizzjonijiet differenti, għandhom dieta differenti.
Wara li jitma’ l-annimali kollha, huwa jagħti l-mediċina li dawn l-istess klieb għandhom bżonn.

Bħal ħafna, huwa jmur għax-xogħol, iżda fil-ħin ta’ nofsinhar imur lura d-dar biex jiċċekkja fuqhom, u anki joħroġhom ftit.