X’taħseb dwar il-qlib tas-siegħa? Għid lil Marlene Mizzi

Il-Membru Ewro-Parlamentari Marlene Mizzi ġiet appuntata bħala l-kelliema u n-negozjatriċi min-naħa tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-opinjoni leġiżlattiva biex jitwaqqaf il-qlib fil-ħin.

Skont stqarrija maħruġa minn Mizzi stess, 84% tal-persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ, wieġbu li huma favur li l-ħin ma jinbidilx u jibqa’ dak tas-sajf tul is-sena kollha. Hi qalet li se tkun qed tirrakomanda li l-ħin ikun stabbilit u jimxi ma’ tas-Sajf hekk kif qalet li din hi x-xewqa tal-maġġoranza taċ-ċittadini li jgħixu fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Mizzi qalet li se tkun qed tinnegozja biex l-Istati Membri jkollhom ħin wieħed armonizzat filwaqt li t-time zones jinżammu differenti kif inhuma.

Mizzi qalet li b’hekk se tkun qed twassal ukoll it-tħassib tal-maġġoranza tal-Maltin li huma favur din il-bidla u li l-opinjoni tagħhom semmgħawha waqt il-konsultazzjoni pubblika li nieda l-Gvern aktar kmieni din is-sena.