X’tagħmel meta t-tfal jifqgħu borża dqiq fil-kċina?

Ix-xaħar l-ieħor tkellimna dwar xi żbalji li aħna l-ġenituri xi kultant nagħmlu fit-trobbija ta’ wliedna. Din id-darba se naraw kif nistgħu nindunaw li l-għemil jew l-attitudni tagħna ma tkunx qed tħalli effetti pożittivi fuq uliedna, avolja l-intenzjoni tagħna tkun tajba.

Nifhem li ż-żmien li qegħdin fih, meta t-tfal mhux qed imorru skola, ilkoll kemm aħna nkunu xi ftit ansjużi u għajjenin aktar mis-soltu. Imma dan jgħodd għat-tfal ukoll, mhux għalina biss!

Diġà tkellimna fuq l-importanza li nikkomunikaw b’mod pożittiv. Allura kif għandna nikkomunikaw ma’ wliedna meta nkunu nikkoreġuhom għax ikunu għamlu xi żball?

L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hi li nħarsu lejn l-isforz li jkunu għamlu u naraw it-tajjeb li jkun fih. Dan għandu jkun il-bidu pożittiv tal-komunikazjoni tagħna. Għandna wkoll naċċettaw li l-iżbalji huma l-mod ta’ kif nitgħallmu.

Eżempju: Omm tistieden lil bintha jew binha, ta’ madwar għaxar snin, biex jagħmlu kejk flimkien. It-tifla jew tifel jieħdu pjaċir għax din ma tkunx ħaġa tas-soltu. Fil-kċina l-omm titlobhom jiftħu l-borża tad-dqiq biex jibdew, imma dawn jużaw naqra forza żejda u malajr jagħmlu festa! Qatt ma kienu fetħu borza dqiq qabel.

X’hemm pożittiv hawn? It-tfal bdew jitgħallmu jgħinu, obdew, u kien hemm ċertu entużjażmu.

X’kien l-iżball? L-iżball kien il-mod kif fetħu l-borża u li xxerred id-dqiq kollu.

X’għandha tagħmel l-omm? Wara li ssemmi l-pożittiv li tara, l-omm għandha tistaqsi lit-tfal x’jaħsbu li setgħu għamlu aħjar, bħal jużaw imqass. Bil-kalma mbagħad jistgħu jnaddfu u jkomplu bil-kejk. Dan minflok rabja u kliem li jkissrilhom l-istima tagħhom.

Taħseb li dan diffiċli? Jew forsi taħseb li jieħu wisq ħin? Forsi għall-ewwel iva, imma meta nidraw naħsbu b’dal-mod ma tibqax tqila. Dan hu l-ikel tal-moħħ li jgħin lit-tfal kif ukoll lill-kbar. Din hi ħila jew sengħa, u għalhekk jista’ jitgħallimha kulħadd. Kulma trid hu li tħaddimha għal sitt jew tmien ġimgħat, u tara kif tidraha.

Għall-ġid tagħna u ta’ wliedna nistgħu ndawru żball f’tagħlima.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Lulju Cover