X’tagħmel jekk tixrob iżżejjed?

Kemm hu l-limitu għall-adulti u ż-żgħażagħ?

Il-limitu għall-adulti hu 14-il unit ta’ alkoħol fil-ġimgħa (mhux aktar minn tliet units f’ġurnata u tal-inqas jumejn fil-ġimgħa mingħajr alkoħol).

Unit ta’ alkoħol hu ekwivalenti għal nofs pinta birra jew cider (3%-4% alkoħol), jew 25 ml ta’ spirtu (40% alkoħol), jew 50 ml inbid (20% alkoħol).

Nisa tqal jew li qed jippruvaw jinqabdu tqal ma għandhom jixorbu assolutament ebda alkoħol. Jekk ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, il-limitu hu unit jew tnejn darbtejn f’ġimgħa, u ma għandhomx jiskru.

Konsegwenzi ta’ xorb żejjed?

Tazza kuljum taf ma tagħmillekx ħsara, imma jekk m’intix kapaċi tieqaf wara tazza waħda, se jkun hemm effett kumulattiv, jiġifieri l-ammonti se jingħaddu flimkien.

Jekk tixrob alkoħol żejjed tista’ tikkaġuna pancreatitis, li tista’ ssir kronika u bil-kumplikazzjonijiet. Il-pancreas tgħin biex tirregola l-użu tal-insulina fil-ġisem u kif il-ġisem jilqa’ għall-glucose. Xorb ta’ alkoħol fit-tul iżid ukoll ir-riskju ta’ infjammazzjoni u mard fil-fwied, għax hu l-fwied li jipproċessa l-alkoħol. Meta l-pancreas u l-fwied ma jaħdmux sew, tissogra li jkollok blood sugar baxx jew għoli.

Abbuż mill-alkoħol li jkun kroniku u sever jista’ jwassal ukoll għal ħsara permanenti fil-moħħ. L-alkoħol jista’ jnaqqas il-komunikazzjoni bejn il-moħħ u l-ġisem, u jnaqqas l-abbiltà li taħseb b’mod ċar u tieħu deċiżjonijiet raġunati.

Persuni li jixorbu ħafna alkoħol jafu jispiċċaw jiddependu fuq l-alkoħol fiżikament u emozzjonalment. Persuna jista’ jkollha bżonn għajnuna professjonali biex taqta’ d-dipendenza fuq l-alkoħol.

Xorb u mediċini

Jekk tixrob l-alkoħol wara li tkun ħadt xi medicina magħrufa bħala over-the-counter (li jinxtraw mingħajr riċetta) jew supplimenti, jista’ jwassal għal problemi ta’ saħħa. It-taħlit tal-alkoħol ma’ ċerti mediċini li jkunu nxtraw b’riċetta tat-tabib jista’ jwassal biex persuna ma tibqax tieħu nifs.

Xorb u droga

Id-droga tista’ żżid l-effetti kollaterali tal-alkoħol. Tista’ wkoll taħbi l-effetti tal-alkoħol u ġġiegħlek taħseb li m’intix fis-sakra. It-taħlit tal-alkoħol mal-kokaina jżid it-taħbit tal-qalb, u dan jikkaġuna stress fuq il-qalb. Il-marijuana wkoll tikkaġuna dgħufija jew ħsara meta tittieħed mal-alkoħol. Fil-fatt, fuq ħafna fliexken tal-pilloli ssib miktub li min qed jeħodhom għandu jillimita l-konsum tal-alkoħol jew jevitah kompletament.

Alkoħol u benzodiazepines (kalmanti u trankwillanti) jistgħu jwasslu biex tintilef minn sensik u tieqaf tieħu n-nifs.

Xorb u antibijotiċi

Jekk tixrob meta tkun qed tieħu l-antibijotiċi tista’ ddgħajjef is-sistema immunitarja u tnaqqas l-abbiltà tal-ġisem li jiġġieled il-mard. Jista’ jikkaġuna sturdamenti, ansjetà, uġigħ fis-sider u problemi tal-qalb.

Taħlit bejn il-pilloli tal-irqad u l-alkoħol jista’ jfixkel il-kordinazzjoni u l-memorja, u jwasslu biex persuna tintilef minn sensiha.

Ħafna ingredjenti li wieħed isibhom f’mediċini għall-irjiħat u l-allerġiji jafu jaħdmu ħażin ħafna mal-alkoħol. Mediċini għas-sogħla li jkun fihom dextrometorphan jew codeine jistgħu jwasslu għal telqa u sturdament, u jekk jittieħdu mal-alkoħol jistgħu jwasslu għal overdose. Antihistamines ukoll iwasslu għal sintomi simili meta jitħalltu mal-alkoħol.

Minbarra ammonti għolja ta’ kafeina, l-hekk imsejħa energy drinks jinkludu kimika li tqawwi l-livelli tal-enerġija u taħbi l-effetti tal-alkoħol.

Herbal supplements li jinbiegħu bħala mood enhancers, jiġifieri li jtejbulek l-umur, jistgħu wkoll jaħdmu ħażin mal-alkoħol.

F’każ li qbiżt il-limitu?

Breakfast sustanzjuż jagħti lura nutrijenti importanti lill-ġisem; dan jgħin biex tikkumbatti l-aċidità b’mod tajjeb.

Meta wieħed jixrob ammonti eċċessivi ta’ alkoħol ikun qed iqagħbar ħafna s-sistema naturali tal-ġisem. L-alkoħol iwassal għal dehydration, allura dak li tħoss filgħodu huwa l-mod kif il-ġisem jgħidlek biex tixrob. L-alkoħol jista’ jwassal għal nixfa b’diversi metodi. Bażikament, għandu effett dijuretiku. Żgur li nnutajt li meta tixrob, iżżid fl-urina. Dan huwa sinjal min-natura li l-ġisem qed jitlef ħafna likwidi. Allura kull darba li tgħaddi l-urina, ftakar biex wara, tixrob mill-inqas żewġ tazzi ilma. Dan jgħin ukoll biex tnaqqas il-proċess tas-sokor. Urina eċċessiva twassal ukoll għal telf ta’ ħafna electrolytes mill-ġisem, u dan iżid mal-istat ta’ hangover, jiġifieri kif tkun tħossok wara xorb eċċessiv jew sakra.

Jekk tirrimetti waqt li qed tixrob, dan iwassal biex titlef ħafna likwidi u electrolytes mill-ġisem. Għalhekk trid tiżgura li tkompli tixrob ħafna ilma.

Medikazzjoni

Ma hemm ebda mediċina li fiha nnifisha tikkura l-hangover. Wieħed irid joqgħod attent ħafna rigward mediċina għax, minbarra l-fatt li dawn ma jaħdmux, jistgħu wkoll kultant jagħmlu iktar ħsara milli ġid.

Jekk int jew xi ħadd li taf qed tiffaċċjaw problemi ta’ xorb, ċemplu fuq 179 biex jgħinuk tifhem il-perikli tal-alkoħol, tagħraf is-sinjali li qed issir abitwat għall-alkoħol, u jidderiġuk lejn ċentru (anonimu) ta’ kura qrib tiegħek.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Settembru Cover