X’se tmur tagħmel Maggie fis-salon ta’ Karen?

Ritratt: Coldman Photography

It-tmien episodju ta’ Elf Metodu jixxandar illejla fid-9pm fuq l-istazzjon One. F’dan l-episodju se nerġgħu nidħlu fid-dar ta’ Jason u r-raġel tiegħu Winston. Il-ħajja matrimonjali ta’ dil-koppja qisha qabdet in-niżla, imma min jaħti ta’ dan? Wara dak li ġara fid-dar tal-familja Villano, Jason se jibqa’ f’kuntatt ma’ Karen?

Issa li Elvis sab xamma ta’ mħabba, se jirnexxielu jikkonvinċi lil Karen biex tlaqqgħu ma’ Prissy? U Maggie x’marret tagħmel is-salon ta’ Karen qabel ma fetħet għall-klijenti? Fuqhiex se jerġgħu jaqbduha did-darba Alistair u Maggie; u min minnhom għandu raġun?

Brandon jidher li nġibed sew lejn Jo u l-ebda skuża m’hi se żżommu milli jipprova jagħmlu tiegħu. Kif se jaġixxi Jo u x’se tkun ir-reazzjoni ta’ Karen jekk tiskopri b’dak li s’issa għadha ma tafx?

Elf Metodu għandu kitba ta’ Simon Bartolo fuq idea ta’ Mark Doneo.