X’se tilbes minn dawn?

Suġġerimenti mil-London Fashion Week
1. Il-kuluri tal-qawsalla

Filwaqt li l-personalitajiet internazzjonali fl-Oscars u l-Bafta Awards għażlu li jilbsu l-iswed bi protesta kontra l-fastidju sesswali, il-passerelli fil-London Fashion Week 2018 għażlu kulur ieħor biex jgħaddu messaġġ politiku. Kuluri nsomma, għax l-għażla kienet tal-kuluri kollha tal-qawsalla. Id-disinjatur Cristopher Baily għal Burberry addotta l-qawsalla, simbolu LGBTIQ, minflok il-famuż ‘Burberry check’. Minn sidrija, sa kowt tal-fur sintetiku u lbiesi tal-ħarir tad-disinjatur Fyodor Golan, dawn id-disinjaturi mxew fuq il-passi ta’ Gucci li sentejn ilu kienu ħarġu flokk bil-qawsalla – investiment għaqli għal min kien iħares fil-bogħod.
2. It-tul reġa’ daħal

Konna ngħidu li meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, il-kfief jogħlew. Insomma, din is-sena ma tantx jidher li kien il-każ għax it-tul reġa’ moda. Forsi mhux aħbar tajba għall-bassara tal-ekonomija, imma żgur li hija aħbar tajba għal dawk in-nisa li jaħdmu u li l-ħajja tagħhom ippakkjata bejn xogħol u familja. Dbielet itwal li jmorru kemm ma’ żraben ċatti kif ukoll ma’ tkaken baxxi kienu kważi r-regola fil-passerelli ta’ Londra. Id-dbielet huma dritti u dojoq u żgur mingħajr piegi.
3. Viva l-aħdar!

Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, qatt ma taħarbilha waħda. Jekk għall-BAFTA Awards ma kinetx liebsa l-iswed, għax l-iswed għall-familja Rjali huwa biss għall-funerali, imma l-aħdar li libset kien il-kulur l-aktar moda bħalissa fil-passerelli tal-London Fashion Week. Jekk il-lelà kien l-aktar popolari dan l-istaġun, fittex ixtri xi ħaġa bl-aħdar għall-istaġun li jmiss biex turi kemm inti fuq quddiem fil-moda! Minn aħdar skur bħal taż-żebbuġa sal-aktar aħdar jgħajjat, kollox jgħodd… u jekk trid tkun avventuruża, aħdar bit-tikek roża!
4. Dublett u qmis, mhux qishom l-uniformi?

Lanqas xejn. Min s’issa kien iqabbel dublett ma’ xi ġersi goff jew ma’ jeans bil-keffa mberfla, issa jaqbillu jbiddel fehmtu jekk irid jider à la mode! Il-moda hi: dublett u qmis, basta ma tidhirx qisek sejjer l-iskola. Roland Mouret uża l-istess kuluri għad-dublett u l-qmis fejn din tal-aħħar kienet ukoll wiesgħa fil-passerella ta’ kull disinjatur. Qomos bojod u kbar mingħand Erdem u Rejina Pyo tefgħetilhom bosta buttuni u qfil asimetriku. 
5. Bwiez qosra… bilfors

Kulħadd baqa’ b’ħalqu miftuħ… mhux tant għall-ġmiel tal-ibies għall-okkażjoni tad-disinjatur Halpern, imma għall-fatt li dawn l-ilbiesi kienu kollha milbusin ma’ bwiez qosra. Mhux sandlijiet, mhux żraben eleganti, le. Bwiez… qosra! Imma xi bwiez: żebra, abjad ileqq, bil-ponta qishom arma, dawn il-bwiez jixirqu kemm fuq qliezet kif ukoll fuq dbielet twal. Tista’ tagħżel li jkollok jew ma jkollokx takkuna għolja. Fittex fil-gwardarobba forsi ssib dak il-par li kont xtrajt 10 snin ilu… reġa’ moda.
6. (Mhux) qed taqsam ix-xmara

Jekk il-kfief tad-dbielet niżlu, il-kfief tal-qliezet telgħu għal iktar ‘il fuq mill-għaksa. Anke l-qadd tela’ ‘l fuq u biex inkomplu nenfasizzaw dan, irid ikollu wkoll ċinturin. Forsi tgħid li dan mhux eleganti? Id-disinjatur Delpozo kellu qalziet kafellatte u qmis roża li żgur jipperswaduk tikkonverti. Barra minn hekk, tant kien hemm verżjonijiet differenti tal-qalziet twil/qasir li dan l-istil huwa garantit li jieħdok kullimkien.