Filmat: X’se tagħmel in-Nanna Kola fil-Festa Għeneb?

Matul l-attività tal-Festa Għeneb fis-Siġġiewi li se ssir nhar il-Ħadd li ġej, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, flimkien mal-Kunsill Lokali għat-Tfal li twaqqaf fis-Siġġiewi ftit xhur ilu, se jniedi l-karattru tan-Nanna Kola.

Dan huwa karattru li nħoloq sabiex jgħaddi messaġġ dwar edukazzjoni ambjentali, wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien rebbieħ tal-European Week for Waste Reduction 2016.

Festa Għeneb hija attività kulturali bil-għan li jitkattar l-għarfien dwar l-għeneb u r-rabta tiegħu ma’ dan ir-raħal. Is-Siġġiewi huwa l-lokalità bl-akbar ammont ta’ dwieli u b’mijiet ta’ familji Siġġiwin involuti fil-proċess tal-għeneb.

Din l-attività ssir bil-kollaborazzjoni tad-Dar tal-Providenza u VitiMalta u tinkludi s-sehem ta’ diversi għaqdiet lokali fis-Siġġiewi. Matul l-attività jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li mbagħad jiġu preżentati waqt il-Festa ta’ Generosità li ssir fl-ewwel tas-sena fis-Siġġiewi stess. 

Din is-seba’ edizzjoni ta’ Festa Għeneb se tibda fis-7pm, fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi.