X’se jsir minn Triq Diċembru 13?

Ritratt: DOI

Read in English.

Fil-jiem li ġejjin se jibdew xogħolijiet preparatorji sabiex titjieb ir-rotta minn Triq Diċembru 13. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jiġu eliminati diversi blackspots tal-inċidenti, u li wieħed jkun jista’ jivvjaġġa tul dawn it-toroq fl-istess ħin.

Dan il-proġett ta’ 2.5 milljun se jgħaqqad il-proġetti tal-mini roundabout ta’ Santa Luċija u tal-Marsa Junction fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fi Triq Aldo Moro, mal-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass.

Il-proġett jinkludi;

  • iddisinjar mill-ġdid tal-ħolqa tar-roundaboutta’ Triq Aldo Moro fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa
  • twessigħ ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass
  • żvilupp ta’ diversi korsiji bil-għan li jiġu ffaċilitati konnessjonijiet aktar siguri bejn dawn it-tliet toroq arterjali

Apparti minn hekk, se tiġi mwessa’ l-islip road tal-korsija li tgħaqqad il-karreġġjata aktar ’l fuq minn Triq Diċembru 13 mal-Marsa-Ħamrun Bypass. Dan sabiex din it-triq takkomoda 2 korsiji. L-islip road li tgħaqqad il-karreġġjata aktar ’l isfel minn din it-triq mal-istess Bypass se tinbidel f’korsija kontinwa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħbit. Il-ħolqa tar-roundabout ta’ Triq Aldo Moro fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa se tiġi ddisinjata mill-ġdid sabiex tiffaċilita konnessjonijiet aktar sikuri.

Ritratt: DOI

Apparti minn dan, se jiġu żviluppati parkeġġi pubbliċi ġodda fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa. Il-Ministeru stqarr li 65-il siġra tal-ewkaliptu matul parti minn Triq Diċembru 13, li huma speċi invażiva, se jinqalgħu. Flokhom se jitħawwlu 113-il siġra indiġena ġdida f’inħawi differenti matul ir-rotta tal-proġett. Numru żgħir ta’ siġar indiġeni li jeħtieġ jitneħħew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, se jiġu mħawla f’inħawi oħra fil-viċin.

Dan il-proġett se jibda fil-jiem li ġejjin, bil-għan li jitlesta qabel ma tibda s-sena skolastika li jmiss. Diversi kuntatturi se jkunu qegħdin iwettqu xogħolijiet differenti f’ partijiet differenti tal-istess rotta, fl-istess ħin.

Ir-residenti, u dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn it-toroq huma mħeġġa jsegwu d-direzzjonijiet indikati mis-sinjali tat-toroq u mill-uffiċċjali tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li dan il-proġett se jindirizza l-aħħar bottlenecks li fadal f’din il-ħolqa bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa, Santa Venera u l-Imrieħel.