Filmat: “Taħditiet biex il-Pulizija jkollhom assikurazzjoni” – il-Kummissarju

F’kummenti lill-midja fi tmiem il-mixja ta' solidarjetà mal-Pulizija, il-Kummissarju Lawrence Cutajar semma kif għaddejjin taħditiet biex il-membri tal-korp tal-Pulizija jkunu koperti b’assikurazzjoni.
Qal li għalkemm il-parti l-kbira tan-nies turi rispett lejn l-uffiċjali, qed tikber tendenza ta’ diżrispett.
Semma kif fl-40 sena li ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija, innota bidliet fil-ġenerazzjonijiet fl-istess waqt li x-xogħol tal-Pulizija kompla jsir dejjem iktar iebes.
Il-Kummissarju sostna li uffiċjali tal-Pulizija jsofru vjolenza mentali u fiżika. 
Iktar kmieni
Dalgħodu eluf ta’ persuni ngħaqdu f’folla waħda għal mixja ta’ solidarjetà mal-Pulizija kollha li ta’ kuljum jaqdu dmirhom fis-soċjetà.
Dan wara li t-Tlieta, il-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri ttajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena waqt li kien qed jaqdi dmiru. Għal xi jiem Schembri kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-mixja, li qed tiġi organizzata mill-unjin tal-uffiċjali tal-Pulizija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-uffiċjali tal-Pulizija rtirati, sabet appoġġ kbir minn bosta entitajiet lokali, kif ukoll mill-poplu Malti li jinsab ixxukjat bil-mod kif Schembri safa vittma fuq xogħlu.
Il-mixja bdiet minn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u spiċċat quddiem il-Parlament.
Preżenti hemm fost l-oħrajn il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll rapprezentanti mill-partiti politiċi kollha u mill-unions li jirrapreżentaw lill-Pulizija.