X’se jkun qed jiġri mil-LSEs tal-Kinder 1 f’Ottubru li ġej?

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema (MUT) llum ikkjarifikaw il-parametri li bihom se jkunu qed jaħdmu l-Learning Support Educators (LSEs) fil-Kindergarten 1. Dan wara l-iffirmar ta’ ftehim settorjali lura fl-2017 li kien tkellem dwar tibdiliet fil-mod kif jaħdmu l-LSEs minn Ottubru tal-2019 ‘il quddiem.

Aqra: Klassijiet żgħar tal-Kinder 1 se jibqgħu mingħajr LSEs – UPE

X’inhuma dawn il-parametri?

  1. Fulltime One-to-one jew Class Support se jkunu ż-żewġ irwoli uffiċjali ta’ sapport.
  2. Tfal li għandhom bżonn sapport Fulltime One-to-one se jibqgħu jibbenefikaw minn dan.
  3. Intant LSE bħala Class Support se tkun assenjata lill-klassijiet tal-Kinder 1 meta l-klassi jkollha aktar minn 12-il student, jew inkella jkun hemm tliet studenti fil-klassi li jkollhom bżonn sapport mill-LSE.
  4. Il-Class Sapport LSE, taħt id-direzzjoni tal-Kindergarten Educator se tieħu ħsieb il-bżonnijiet edukattivi għal massimu ta’ tliet studenti. Intant l-LSE trid ukoll tkun ta’ sapport għall-għalliema tal-klassi fejn tidħol l-edukazzjoni tal-istudenti l-oħrajn fil-klassi.
  5. F’ċirkustanza li jkun hemm student li jiġi kkonfermat li għandu bżonn l-għajnuna ta’ LSE, tiżdied Class Support LSE jekk ikun hemm iktar minn tliet studenti li diġà għandhom bżonn l-għajnuna fil-klassi.
  6. Il-proviżjonijiet mhux se jwasslu għat-telf ta’ xogħol.

Fil-ġimgħat li għaddew, l-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) ħarġet kontra t-tibdiliet li se jsiru fil-klassijiet tal-kindergarten fis-sena skolastika 2019-2020 fejn fost l-oħrajn il-klassijiet żgħar tal-Kinder 1 se jibqgħu mingħajr LSEs.