X’se jkun qed jiġri fil-kamra mortwarja ?

L-Għaqda teatrali Dwal Ġodda se tkun qed tagħlaq 50 sena mit-twaqqif tagħha fis-sena 2020.  Trid li tniedi din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ftuħ lejn il-ġejjieni bil-produzzjoni f’2 atti : Ħajjin vs Mejtin, nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 22, 23 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 24 fis-6.30 ta’ filgħaxija, fi Spazju Teatrali f’Ħal Għargħur.  Din il-produzzjoni qed tintiseġ mill-membri huma u jlaħħmu kitba ta’ Martin Gauci.

Kollox iseħħ f’kamra mortwarja ‘ta’ barra minn hawn’.  Hemm, bħal f’ħolma jew ħmar il-lejl, il-mejtin jieħdu l-ħajja meta l-ħajjin jinħakmu mir-regħba, jew mill-fissazzjoni f’dak li ma jistgħux jakkwistaw dak il-ħin.  Jaslu l-ħajjin jintebħu li l-mejtin qed jieħdu l-ħajja?  U kif jidħol ir-Rigor Mortis? 

Din il-produzzjoni m’hix se tkeskes l-mejtin kontra l-ħajjin.  Il-‘ħajjin/mejtin’ jinkludu s-superviżer, dawk li jnaddfu, il-kummisjonanti, il-bikkejja, il-bokkamorti (u l-udjenza?).  Il-mejtin/ħajjin iqanqluhom bi sparks li jistgħu jkunu għodda fejjieda li tgħin biex dil-ħajja jgħixuha bi tbissima.

‘Ħawwadni ħa nifhmek!’ : hekk ikollna sfiċċa ntennu kemm f’wiċċ il-ħajja kif ukoll f’wiċċ il-mewt.  Jiġifieri din kummiedja jew traġedja?  Il-mewt tkun traġedja biss jekk meta jinżel is-separju l-bniedem ma jkollux ħila jitbissem.  Wara kollox, ‘in-naħa l-oħra m’hemmx wisa’ għal swied ta’ qalb u gdiedem.  Il-mewt titbissimlek kull ħin u tagħmel sew titbissmilha lura’.

Ħajjin vs Mejtin se tittella’ nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 22 u 23 ta’ Novembru fit-8pm u l-Ħadd 24 ta’ Novembru fis-6.30pm fl-iSpazju Teatrali f’Ħal Għargħur.

Għal-aktar dettalji wieħed jista’ jidħol fil-paġna facebook ta’ Dwal Ġodda jew inkella jċempel fuq 99288288 jew 79092624