X’se jinbidel fis-settur marittimu mis-sena d-dieħla?

Avukat jispjega r-regoli l-ġodda tal-IMO

Mill-2020, se jidħlu fis-seħħ regoli li għandhom inaqqsu ċertu emissjonijiet mill-vapuri. Dan għandu jwassal għal benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Newsbook.com.mt tkellem mal-avukat William Vella li jaħdem fis-settur marittimu dwar x’se jinbidel.

Id-deċizjoni tal-IMO xi tfisser eżatt?

Bhala aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (UN), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) hija awtorità globali li toħloq standards fuq s-sigurtà, s-saħħa, u l-ambjent f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam marittimu fuq skala internazzjonali. L-għan principali huwa li jigi ikkreat qafas regolatorju li huwa ġust u effettiv, adottat, u implementat b’mod universali.

Fi kliem ieħor, l-irwol aħħari huwa li jiġi ikkreat livell fejn l-operaturi tal-vapuri jindirizzaw l-kwistjonijiet finanzjarji b’mod dirett u mhux billi jaqtgħu għad-dritt u jispiċċaw jonqsu billi inaqqsu affarijiet fuq sigurtà, saħħa u l-ambjent.  Dan l-approċċ jinkoraġġixxi innovazzjoni u effiċjenza.

Madwar 90,000 bastiment iġorr 90% tal-kummerċ dinji.  Dan it-tip ta’ trasport jagħmel użu minn fjuwil li jipproduċi emissjonijiet tal-kubrit (sulphur) li jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima globali u aċidifikazzjoni tal-atmosfera li tinżel bħala xita.

L-emissjonijiet tal-kubrit huma magħrufin li jikkawżaw mard respiratorju u jikkawżaw xita aċiduza li taghmel ħsara kbira lill-veġetazzjoni u ħajja selvaġġa.

Il-regolament 14.1.3 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL Regulation 14.1.3) li se tiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 għandha l-għan ewlieni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kubrit mill-vapuri.  Dan ir-regolament ġie adottat mill-IMO fl-2016 u dan bħala risposta għat-theddida lejn l-ambjent u s-saħħa ta’ min jaħdem fuq il-vapuri u tal-umanità inġenerali.  Ir-regolament jipprovdi li l-kontenut tal-kubrit li jiġi użat fuq il-vapur m’għandux jaqbeż il-0.50% mass by mass (m/m) mill-1 ta’ Jannar ‘il quddiem.

Kif se jiġu affettwati s-sidien tad-dgħajjes f’Malta?

Malta hija membru tan-UN u allura l-istess kunċett Ewropew japplika.  Kunċett Ewropew f’sens illi fil-preżent billi Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea (UE) jekk tgħaddi liġi, ovvjament dik il-liġi hija applikabbli għal kull stat u għal kull ċittadin.

F’dan il-każ billi Malta, hija parti minn-UN allura sidien ta’ dgħajjes f’Malta kif ukoll fid-dinja kollha se jiġu affettwati.  Dawn se jiġu affettwati fuq diversi binarji.  Waħda mill-beżgħat tas-sidien ta’ bastimenti kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja hija li huma u raffinaturi se jsibu diffikultajiet fuq livell finanzjarju biex jadottaw dawn il-miżuri.  Dawn it-tip ta’ diffikultajiet finanzjarji jżidu l-‘bunker surcharges’ u l-‘in freight rates’ kif ukoll fjuwil irfinat għola minhabba l-proċess tal-irfinar. Essenzjalment, irid jinħoloq bilanċ, f’dak li huwa l-ħarsien tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati.

Problema oħra li kapaċi taffetwa lis-sidien tal-bastimenti hija il-kompatibilità tal-fjuwil, spejjeż ta’ distillati bħall-Marine Diesel Oil (MDO) u l-Marine Gas Oil (MGO), l-‘overnight switch’ mill-1 ta’ Jannar 2020, l-konsiderazzjonijiet neċessarji biex isiru ‘charter party agreements’ kif ukoll l-‘iscrubber system li hija spiża oħra enormi fuq is-sidien tal-bastimenti.

Biex dan ir-regolament jilħaq l-objettiv b’mod realistiku, għandu jkun maħluq biex ikun jista’ jakkwista r-riżultati meħtieġa.  Għandu jkun hemm ukoll miżuri li jassiguraw konformità u l-infurzar neċessarju biex dan ir-regolament jilħaq l-iskop tiegħu.

 Il-ħidma tal-avukati Maltin fis-settur marittimu se tinbidel?

Jista’ jagħti l-każ li vapuri li jinqabdu mhumiex konformi ma’ dan ir-regolament: jiġifieri li mhumiex jagħmlu użu minn fjuwil ta’ 0.50% f’dak li huwa kubrit li jinstab fil-fjuwil kif spjegat hawn fuq; tittieħed l-azzjoni neċessarja. Se tkun l-awtorità ikkonċernata mit-trasport tal-pajjiż li se tkun qed tara li dan ir-regolament jiġi imħares flimkien ma’ dawk li jissejħu il-‘port state control’. Dawn huma dawk inkarigati mill-portijiet ta’ Malta kif ukoll ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Jekk vapur jinqabad li mhux konformi ma’ dan ir-regolament l-irwol tal-avukati Maltin li jaħdmu f’dan is-settur primarjament se jkun dak li jiddefendu lis-sidien tal-vapuri li nstabu li ma kienux konformi ma’ dan ir-regolament. Allura se jipprovaw jagħtu raġuni kif u għalfejn is-sid tal-bastiment ma għamilx it-transizzjoni meħtieġa u neċessarja biex jagħmel il-bidla għal dan it-tip ta fjuwil.

Hemm xi affarijiet li għadhom mhux ċari b’rabta mat-tibdil li għandu jkun hemm?

Il-kwartieri ġenerali tal-IMO f’Londra

L-IMO għamlitha ċara ħafna u qalet li l-iskadenza biex issir din il-bidla fil-fjuwil ma tistax taqbeż l-1 ta’ Jannar 2020. Għalkemm kien hemm talba biex id-data tiġi posposta, l-IMO żammet sod u qalet li d-data trid tiġi irrispettata.  Jekk din ma tiġix irrispettata se jkun hemm riperkussjonijiet monetarji fost l-oħrajn.

Naħseb illi ir-rekwiżiti huma ċari ħafna ta’ x’għandu jintlaqa’ u filwaqt li, kif semmejt qabel, se tkun sfida finanzjarja għas-sidien tal-bastimenti, m’għandhix għax tintuża bħala skuża biex dawn l-istess sidien ma jimxux mar-regolament msemmi hawn fuq.

Minkejja din il-pożizzjoni li ħadet l-IMO xorta baqa’ numru ta’ mistoqsijiet li għadhom iridu jiġu mwieġba.  Hemm numru ta’ pajjiżi bħall-Arġentina u l-Eġittu li għadhom ma rratifikawx Annex VI tal-MARPOL 73/78 u allura vapuri li jidħlu f’dawk il-ġurisdizzjonijiet jistgħu ma jaffaċċjawx spezzjonijiet ta’ infurzar.  Minbarra dan l-infurzar estern, jista’ jagħti l-każ li sidien tal-bastimenti jkollhom raġunijiet kontrattwali għalfejn għandhom ikunu konformi f’każ li jinqalalhom xi ħaġa. Per eżempju, jekk ikun hemm xi inċident u jsiru l-investigazzjoniet u l-fjuwil jew affarijiet oħra ma jkunux konformi, l-vapur jista’ jitqies mhux tajjeb biex jintuża’ fuq il-baħar u l-polza tal-assikurazzjoni tiġi nvalidata wkoll.  

Mistoqsija oħra li tista’ titpoġġa hija kif ‘flag states’ b’riżorsi limitati – inkluż riżorsi umani, se jkunu f’pożizzjoni tenibbli biex tiġi assigurata b’mod effiċjenti l-konformità meta vapuri ikunu qed ibaħħru fl-ibħra internazzjonali.  Dan huwa punt kruċjali li għandu bżonn jiġi ttrattat b’mod urġenti jekk l-IMO trid tkun ċerta li kull pajjiż membru qiegħed ikun konformi ma’ din il-liġi.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li biex l-IMO 2020 tkun effettiva, iridu jiġu użati l-istess livelli ta’ infurzar li jkunu applikabbli u uniformi fuq kull livell.

Naturalment ċertu mistoqsijiet se jibqgħu hemm b’mod kostanti anke wara l-1 ta’ Jannar. Minn kif qed jidhru l-affarijiet iż-żmien biss jista’ jagħtina parir dwar jekk l-industrija marittima hix verament ippreparata biex tilqa’ fi ħdana l-isfidi li se jġibu magħhom dawn it-tibdiliet.

Avv. Dr. William Vella LL.B (Hons) M.Adv LL.M (IMLI) iggradwa mill-International Maritime Law Institute (IMLI) fl-2019. It-teżi tiegħu kienet analiżi legali tal-objettivi tal-2020 b’rabta mal-emissjonijiet tal-kubrit.

Dan l-artiklu m’għandux jitqies bħala parir legali.