X’se jiġri min-nannu?

Dalgħodu fl-10.15am, TVM se jkun qed ixandar żewġ episodju oħra mis-sensiela Il-Misteru tan-Nannu Ton li għandu kitba ta’ Dominic Said, produzzjoni ta’ Hermann Bonaci u direzzjoni ta’ Frida Cauchi.

Jidher li n-nanna, miskina, ma kellhiex ix xorti li tiltaqa’ man-nannu għax Sharon tfiet ix-xemgħa fil-ħin li kienu ftehmu. Imma x’se jiġri issa? Min-naħa l-oħra fid-dinja ta’ Agii hemm ħafna nkwiet. Xewka issa ħarġet fil-miftuħ li trid lin-nannu bħala priġunier. Mhux biss imma għandha wkoll żewġ priġunieri minn Agii stess biex mingħandhom tieħu l-informazzjoni ta’ fejn jista’ jkun in-nannu.

Warda u Brimbu qed jissuspettaw li Xewka qed taħdem kontra tagħhom, imma għadhom ma jafux eżatt x’għandha f’moħħha. Jidher li l-poteri ta’ Xewka huma aktar qawwija minn dawk ta’ Warda.

Fit-tieni episodju li jixxandar illum, wara ħafna nkwiet u taqtiegħ il-qalb, in-nanna u n-nannu jsibu lil xulxin? Jew jinqala’ xi ħaġa oħra?

Issa n-nanna wkoll tinħakem mill-entuzjażmu tat-tfal. Imma issa x’ser jiġri aktar? Brimbu ma tantx jiflaħ. Din hu l-okkażjoni t-tajba biex Xewka tara kif teħles minnu?

X’inhu t-tbassir ta’ Warda? Jista’ jistrieħ Brimbu meta jaf li hemm Xewka taħdem kontrih? X’se jiġri aktar? Sharon u Mark se jqattgħu lejl għand in-nanna tagħhom biex jippruvaw isolvu ħafna mit-trufijiet li għandhom.

Imma dan se jkun biżżejjed?  Xewka hi determinata li tilħaq hi reġina, u lesta li tagħmel kollox!!

Jieħdu sehem: Jurgen Ciantar, Carly Zarb, Raoul Briffa, Dylan Hili, Amarea Camilleri, Rebecca Ferrante, Louise Cassar u Mike Mifsud fost oħrajn.