X’se jiġri llejla fl-IĠM? Ġurnalisti jemmnu f’rikonoxximent lokali għal Daphne

L-editur tal-gazzetta Illum Albert Gauci Cunningham u l-ġurnalist tal-gazzetta MaltaToday James Debono jemmnu li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għandha tingħata rikonoxximent f’Malta wkoll.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, il-ġurnalisti ġew mistoqsija jekk illejla l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) għandux jagħti l-Gold Award lil Caruana Galizia.  Il-Gold Award, normalment jiġi ppremjat lill-persuna li matul ħajjitha tkun tat kontribut sinifikanti lill-ġurnaliżmu.
“Mhux sew li jkun hawn min iżomm żewġ passi lura”
Albert Gauci Cunningham hu tal-fehma li Caruana Galizia għandha tiġi rikonoxxuta f’Malta, hekk kif stqarr li mhux sew li “jkun hawn min iżomm żewġ passi lura”. Saħaq li wieħed għandu jinsa ċerti aspetti tal-kitba ta’ Daphne, li setgħu weġġgħu lil xi wħud u jħares lejn is-sitwazzjoni minn lenti globali, “li nqatlet ġurnalista minħabba xogħolha”.
“Daphne għandha titqies bħala personaġġ storiku”
James Debono wkoll jemmen li Daphne Caruana Galizia għandha tiġi rikonoxxuta għall-ħidma tagħha. Stqarr li Daphne għandha titqies bħala personaġġ storiku f’Malta hekk kif ħarġet stejjer kbar u tilfet ħajjitha b’mod brutali minħabba xogħolha.
S’issa Daphne għadha ma ngħatat l-ebda unur f’Malta, għall-kuntrarju ta’ premju kull ġimagħtejn li rċeviet minn organizzazzjonijiet, entitajiet u ġurnali internazzjonali minn meta ġiet assassinata, fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Din il-ġimgħa wkoll kien hemm min fakkar lil Daphne bħala s-simbolu tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa.
“L-IĠM qed jikkunsidra kull option biex jonora lil Daphne”
F’Jannar li  għadda, meta d-Doha Centre for Media Freedom qalet li se tinnonima lil Daphne għall-UNESCO/Guillermo Cano World Press Freedom Prize,  l-IĠM kien qal ma’ Newsbook.com.mt, li “qed jikkunsidra kull option li għandu biex jonora lil Daphne Caruana Galizia”.
Minbarra l-Gold Award, illejla, l-IĠM jippremja ġurnalisti f’21 kategorija differenti. Newsbook.com.mt huwa nnominat f’żewġ kategoriji.