X’se jiġri f’Bulebel?

Medda ta’ art agrikola f’Bulebel tista’ tinbela’ mit-tkabbir propost taż-Żona Industrijali.
Skont l-għaqda Wirt iż-Żejtun, jidher li l-bdiewa diġà rċevew ittra mill-Malta Industrial Parks (MIP), fejn intalbu jiżgumbraw ir-raba’ f’qas żmien. Dawn il-bdiewa għandhom l-art bil-qbiela, liema qbiela ilhom ma jiġu aċċettati mill-propjetarju sa mis-snin sittin.
Il-Ħadd li għadda waqt intervista bit-telefown, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li minkejja li din hi art tal-Gvern, qed jiġu ikkunsidrati siti alternattivi oħra.  Sostna li Malta qed taffaċċja l-isfida biex jinstab bilanċ bejn il-bżonnijiet tan-nies u tal-industrija. 
Dwar dan, il-Perit Reuben Abela, mill-NGO Wirt iż-Żejtun, qal fil-programm Follow Up fuq RTK, li sit alternattiv għall-estensjoni ta’ żona industrijali, jista’ jkun il-qasam industrijali ta’ Ħal Far.
L-art f’Bulebel tintuża biex jitkabbru frott u ħaxix matul l-istaġun u fis-sajf biex jinħaraq in-nar għall-festa.

Mill-Pjan Lokali għan-Nofisnhar, l-art identifikata fil-Politika Industrijali ta’ Bulebel (Bulebel Industrial Policy) kienet iddisinjata bħala parti miż-żona industrijali taħt l-iskemi temporanji u proviżorji tal-1988 (1988 Temporary Provision Schemes). Kien irrakkomandat li qabel ma jkompli jsir xi żvilupp industrijali, iż-żona tiġi studjata iktar ħalli b’hekk jiġi ddeterminat il-valur agrikolu tagħha.
Skont l-istess pjan, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha bżonn mhux inqas minn sitt metri bħala ‘buffer’ mal-perimetru taż-żona industrijali speċjalment minħabba li huma viċin ta’ żoni residenzjali.
Mill-assessjar li sar mid-Dipartiment tal-Agrikoltura, il-wesgħa li ġiet identifikata bħala art għall-industrija kienet identifikata wkoll bħala art ta’ grad għoli fil-valur agrikolu. L-art hi parti wkoll minn Wied iż-Żrinġ.
Barra minn hekk, l-art jaf ikollha valur arkeoloġiku. Dan għaliex sikwit isibu fdalijiet arkeoloġiċi fil-viċinanzi u li għalhekk huwa possibbli li jinsabu qobra puniċi.
L-art hi kbira madwar 157,000 metru kwadru.

Wirt iż-Żejtun oġġezzjonat bla riserva li din l-art tittieħed u talbet lill-MIP tirtira l-pożizzjoni tagħha. L-għaqda talbet lid-Dipartiment tal-Agrikoltura biex tipproteġi l-valur agrikolu tal-inħawi. Saret talba wkoll mal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma jinħareġ l-ebda permess ta’ żvilupp fuq din l-art kif ukoll biex fil-Pjan Lokali li jmiss, tiġi eliminata l-possibilità ta’ estensjoni għaż-Żona Industrijali f’Bulebel.
Wirt iż-Żejtun qed tagħmel petizzjoni, b’min jinteressa ruħu jista’ jistampa kopji tal-petizzjoni li tinsab onlajn u jiġbor il-firem. Din il-formula għandha tintbagħat lura lill-għaqda stess.
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun ma jaqbilx
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun qal li esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dan il-proġett mal-Malta Industrial Parks u anki mal-ministeri kkonċernati. Qal li d-Dipartiment tal-Agrikultura kien stabilixxa li ż-żona hija “high-grade agricultural value” u għaldaqstant għandha tiġi ppreservata. Qal li jekk tiġi aċċettata l-proposta jfisser li ż-żona industrijali tkun 200 metru biss bogħod mill-ewwel bini residenzjali filwaqt li qal ukoll li fiż-żona jinstabu fdalijiet Puniċi / Rumani b’valur arkeoloġiku. Sostna li din iż-żona għandha tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-PL iwaħħal fil-PN
Skont il-Partit Laburista, kien il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent Jason Azzopardi, li għadda l-art f’Bulebel lill-MIP.  Fi stqarrija, il-PL qal li t-trasferiment kien sar b’effett mill-ewwel ta’ Diċembru 2009 permezz ta’ avviż legali.

“Alfred Sant kien uża art li ma tintużax mhux art agrikola” – PD
Il-Partit Demokratiku laqa’ r-rapporti li dehru fil-midja li kienu qed jirrappurtaw li l-Gvern jaf jibdel fehetmu dwar l-art agrikola f’Bulebel. Skond dawn ir-rapporti l-Membri Parlamentari mid-distrett taż-Żejtun wieġbu li l-Gvern qed ifittex siti alternattivi.
Fi kliem il-PD l-attakk fuq l-ambjent u l-wirt tagħna ilu għaddej għal dawn l-aħħar 40 sena. Huma għamlu aċċenn għal meta l-Eks Prim Ministru Alfred Sant kellu l-istess sfida quddiemu u kien għażel li juża art li ma tintużax minflok art agrikola.
Il-PD ikkundanna l-għażż fejn jidħol ippjanar tal-Gvern kif ukoll in-nuqqas ta’ viżjoni dwar l-ekonomija.
Il-PD se jkun qed japplika biex Wied iż-Żrinġ jidħol fid-dominju pubbliku biex b’hekk ikun salvagwardjat.
Din mhix l-ewwel darba li kien hemm tentattiv li din l-art agrikola tittieħed għall-iżvilupp industrijali. Fl-1995 kien hemm applikazzjoni biex tinbena fabbrika, liema idea kienet abbandunata u l-applikazzjoni kienet irtirata.
Ritratti: Ian Noel Pace