X’se jagħmlu wliedek das-sajf?

Suġġerimenti biex uliedna jqattgħu s-sajf b’mod attiv, kreattiv u … b’togħma ħafifa ta’ fidi.

Mixja fuq ir-ramel

Jekk tħobbu tgħumu fejn hemm ir-ramel, għinhom jinnutaw il-mewġ, ir-ramel, iċ-ċagħaq, l-alka, il-ħut, il-bebbux, eċċ. F’xi ħin, imma mhux b’ħafna prietki jew b’ħafna kliem, għinhom jistagħġbu ftit bis-sbuħija. Għidilhom jagħlqu għajnejhom għal 30 sekonda u jippruvaw jinnutaw x’qed jisimgħu: għasafar, mewġ, tfal jgħajtu, żiffa, eċċ. Qabel tieklu xi biċċa ħobż tajba biż-żejt għidu talba żgħira. Inkludi grazzi lil Alla għal dak li esperjenzaw.

Bookmark

Ħudu biċċa kartonċina żgħira (pereżempju 5ċm x 15ċm). Hawn qed nagħtukom eżempju biex jikkupjawh, imma jistgħu jpinġu li jridu. Meta jlestu, iqasqsuha u jkollhom bookmark.

Ktieb tajjeb

La qed insemmu l-bookmark, allura nsemmu wkoll il-kotba! X’hemm isbaħ milli toqgħod ftit ħdejhom u taqralhom storja sabiħa! Importanti li tibdel it-ton tal-vuċi skont il-bżonn u tagħmel espressjonijiet b’wiċċek. Jistgħu jaqraw huma wkoll. Tistgħu tissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi. Anki tfittxija għal ktieb tista’ sservi ta’ nofstanhar sabiħ! U tinsiex li stejjer mill-Bibbja huma eċċitanti ħafna wkoll!

Kwiekeb

Itilgħu fuq il-bejt, jew oħorġu flimkien xi mkien bogħod mid-dwal (Ħad-Dingli). Wara biċċa ħobż tajba, ħallu d-dlam jaqa’ u ibqgħu hemm ħarsu lejn il-kwiekeb. Qabel tmorru hemm, fittxu fuq l-internet jew fuq xi ktieb dwar il-kostellazzjonijiet. Kemm-il waħda jirnexxilkom taraw fis-sema? Għaliex jisimha hekk? Iġbed l-attenzjoni għall-immensità u s-sbuħija tal-univers. Kantaw l-Innu ta’ Filgħaxija minn taħt l-ilsien jew it-tielet strofa ta’ Lilek, Omm Alla.

Insalati

Il-ħolqien mhux magħmul biss mill-baħar, ix-xemx u l-qawsalla, imma jinkludi wkoll it-tadam, il-ħass, il-ħabaq, il-bajd, ir-ross, il-fażola, iż-żebbuġ, eċċ. Għid lit-tfal jgħinuk tħejji insalata tajba, friska u appetituża. U la qed insemmu l-insalata, qatt ippruvajtu tibdew vegetable garden fil-gallarija?

Arblu tar-razza

Għin lit-tfal jibnu arblu tar-razza tal-familja, u tmorrux lura biss san-nanniet imma aktar lura. Jekk għandkom, użaw ukoll xi ritratti. Indikaw min iżżewweġ lil min, kemm kellhom ulied, id-dati tat-twelid, id-dati tal-mewt, eċċ. Din taf tkun ħafna aktar eċċitanti għat-tfal milli taħseb, u tgħinkom ukoll tirrakkontaw stejjer dwar il-familji tagħkom. Fil-każ ta’ wliedkom tistgħu ddaħħlu wkoll id-data tal-magħmudija u tal-Ewwel Tqarbina.

Jalla dan is-sajf ikunilkom żmien sabiħ fil-familja, żmien ta’ memorji u esperjenzi. Żmien li ma jerġax jiġi: ma nħalluhx jaħrabilna bħar-ramel minn idejna imma nużawh b’mod kreattiv.

Xi dwejjaq!

Tagħmel x’tagħmel, din se tismagħha żgur xi darba jew oħra fis-sajf. Ma jimpurtax li t-tfal ikollhom xi mumenti tedjanti, għax dawn ukoll huma parti mill-ħajja. Kif nafu, il-ħajja mhijiex vjaġġ mimli biss fjuri u eċċitament. Mumenti ‘tedjanti’ bħal dawn nistgħu nibdluhom f’mumenti meta niftakru f’oħrajn sbieħ u eċċitanti, inkella f’xi ħaġa li nixtiequ nagħmlu jew vaganza li nixtiequ nagħmlu. Ħajjarhom jibdew djarju jew scrap book żgħir. Ikollok bżonn ktejjeb vojt, kuluri, stampi, kolla … u ħafna immaġinazzjoni.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Lulju Cover