Aġġornata: Ikkonfermat l-istrajk tat-tobba; il-laqgħa mal-Gvern bla progress – MAM

L-istrajk tat-tobba li Newsbook.com.mt kien ħabbar li mexa għal għada ġie kkonfermat mis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan wara laqgħa mal-Gvern li damet sagħtejn li fil-fehma tiegħu wriet li ma kiex hemm progress min-naħa tal-Gvern.
F’kummenti mal-midja ftit wara l-laqgħa, Dr Balzan qal li l-ftehim innifsu huwa l-problema u mhux il-kumpanija Steward Healthcare. Huwa qal li l-Gvern ammetta li t-tobba għandhom raġun dwar il-prinċipju ta’ kif għandha taħdem is-sistema tal-kura f’Malta. Madanakollu, qal li fil-laqgħa l-Gvern allega li ma jistax isir ftehim ieħor abbażi ta’ dawn il-prinċipji.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li hu stmat li se jkunu madwar 3,000 il-pazjenti li se jiġu affettwati bl-azzjonijiet industrijali.
Skont id-direttivi li nħarġu għat-tobba ta’ kull livell fl-isptar Mater Dei, ta’ Għawdex, u dak ta’ Karin Grech u fiċ-ċentri tas-saħħa, it-tobba m’għandhomx jaħdmu fid-dipartimenti tal-outpatients mit-08:00am sal-04:00pm. Din id-direttiva mhux se tapplika għall-clinics f’Sir Anthony Mamo u tal-Maternity.
Skont id-direttivi, appuntamenti ta’ rutina se jiġu kkanċellati u se jimxu għal data oħra. Madanakollu, kull każ urġenti se jiġi riferut lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-MAM qalet li mhux se jkun hemm direttivi għad-Dipartiment tal-Emerġenza jew għal acute wards oħrajn.
It-tobba taċ-ċentri tas-saħħa kollha f’Malta ġew ordnati biex għada bejn it-08:00am u t-08:00pm  jagħtu s-servizzi tagħhom miċ-ċentri tas-saħħa prinċipali biss – ta’ Raħal il-Ġdid, tal-Furjana, tal-Mosta, u tar-Rabat Għawdex. Is-servizzi tat-tobba li jagħmlu vista fid-djar se jiġu ristretti għal tabib wieħed għal kull ċentru tas-saħħa. Appuntamenti li mhumiex urġenti se jiġu posposti.
It-tobba lanqas mhu se jwieġbu telefonati jew imejls.
Il-MAM ħarġet ukoll direttivi għall-Foundation Doctors li jaffetwaw it-teħid tad-demm u xogħol amministrattiv.
Fuq RTK, Dr Martin Balzan, f’isem il-MAM qal li japprezza li l-istrajk joħloq inkonvenjent għall-pazjenti. Però, żied jgħid li inkonvenjent ta’ ġurnata joħloq ħafna inqas problema milli inkonvenjent li jista’ jinħoloq jekk l-isptarjiet imorru għand Steward Healthcare fix-xhur li ġejjin.
Reazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li waqt il-laqgħa li saret, il-Ministeru offra numru ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li qed tqajjem il-unjin.
Il-Ministeru qal li lest li jibqa’ jiddiskuti mal-MAM. Fost l-affarijiet li l-Ministeru ppropona, il-Ministeru tkellem dwar kuntratti barra mis-sectoral agreement. Skont l-istqarrija, il-Ministeru offra mod kif jista' jaħdem mal-MAM biex il-private-public partnership fl-isptarijiet "tkun ta’ suċċess". Il-Ministeru għas-Saħħa offra wkoll li l-MAM jkollha aċċess għall-kuntratti kollha ffirmati bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare.
Stqarrija minn Mater Dei
F'reazzjoni għall-aħħar żviluppi, l-isptar Mater Dei avża li d-direttivi tat-tobba mistennija jkollhom impatt fuq l-operat tal-isptar u se joħolqu inkonvenjent għal pazjenti b’appuntamenti skedati.
L-isptar qal li dawn id-direttivi huma mistennija li jolqtu b’mod dirett l-operat tad-Dipartiment tal-Outpatients. L-isptar qal li għadu ma jafx "liema appuntamenti se jiġu milquta" però se jkun qed jara li jsiru "arranġamenti sabiex l-appuntamenti affetwati għada, jiġu skedati għal futur qrib".
L-isptar żied jgħid li huwa mistenni li se tinħoloq pressjoni fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza. Għalhekk qal li "huwa importanti li dan is-servizz jintuża bl-akbar responsabilità biex jiġi evitat dewmien bla bżonn għal pazjenti li verament jkollhom bżonn dan is-servizz."
Stqarrija min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili 
Intant fi stqarrija, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili esprimiet l-appoġġ tagħha mal-MAM. In-Netwerk qalet li temmen li l-aktar li se jbatu "mid-deċiżjonijiet ħżiena tal-gvern se jkunu l-pazjenti."
In-Netwerk qalet li peress li l-Gvern ma rrispettax l-obbligi tiegħu lejn it-tobba, dan iqajjem dubji serji dwar fl-interess ta' min qed jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa.