X’se jagħmlu dawn l-4 artisti Għawdxin fil-Parlament Ewropew?

Rachel Galea, Kris Saliba, Manuel Farrugia u Anthony Caruana huma erba’ artisti Għawdxin li se jkunu qed jeżebixxu sitt pitturi kull wieħed fil-Parlament Ewropew.
Huma kienu mistiedna mill-Kap tad-Delegazzjoni f’isem il-Partit Laburista Alfred Sant.
Ix-xogħol artistiku tagħhom se jkun għall-wiri bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu.
It-tema magħżula hi dik ta’ Embracing Change in Gozo.
Din se tkun opportunità biex ix-xogħol tal-artisti Għawdxin jiġi apprezzat mill-Ewroparlamentari oħra u viżitaturi ġewwa l-PE.
Sant saħaq li din hija parti mill-istrateġija tiegħu li jagħmel l-aspirazzjonijiet u l-kisbiet tal-Għawdxin aktar magħrufin fl-Ewropa.
Fi kliem Sant, l-artisti qed jegħlbu d-diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li jiġu mill-insularità doppja li jsofri Għawdex u qed joħolqu differenza.
Manuel Farrugia, wieħed mill-artisti, qal li l-pitturi nibtu bħala ċelebrazzjoni ta’ Għawdex u l-karratteristiċi uniċi tal-gżira. Huwa sostna li l-pitturi jixhdu l-ħtieġa li titħares l-identità u l-wirt ta’ Għawdex iżda fl-istess ħin jesprimu tfittxija għal bilanċ ġust bejn l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-kontemporanjetà.