X’regoli għandhom isegwu tax-xagħar u l-barbiera?

REUTERS/Guglielmo Mangiapane

Minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jitħallew jiftħu mill-ġdid il-ħwienet tax-xagħar u l-barbiera, u għalhekk, ġew ippubblikati regoli li għandhom isegwu sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, tax-xagħar, tad-dwiefer u l-beauticians, jista’ jsir sport barra u taħriġ sa gruppi ta’ sitt persuni u jistgħu jintwerew films fil-miftuħ, fost l-oħrajn.

Il-Ministeru għas-Saħħa mbagħad ħareġ lista ta’ linji gwida li dawn il-ħwienet għandhom jimxu magħhom.

  • Għandha titħalla persuna waħda ġewwa kull 10 metri kwadri, apparti l-impjegati
  • Għandu jitqiegħed perspex maż-żona tar-reception (żewġ metri mill-art)
  • Is-siġġijiet fejn ipoġġu l-klijenti għandhom ikunu mbegħdin żewġ metri minn xulxin jew separati bil-perspex, li għandu jkun żewġ metri għoli mill-art
  • Il-perspex għandu jitnaddaf wara kull klijent
  • Hand sanitisers għandhom ikunu disponibbli fiż-żona tar-reception u qrib kull siġġu fejn ipoġġu l-klijenti (rakkomandati sanitisers bis-sensors)
  • Il-klijenti jridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu
  • L-impjegati għandhom ikollhom maskra medika jew tad-drapp, inkella visor
  • Il-barbiera ma jistgħux iqaxxru jew jagħtu stil lid-daqna tal-klijenti
  • Hairdryers mhumiex rakkomandati
  • Il-qtugħ tax-xagħar niexef mhuwiex rakkomandat
  • Talcum powder u brushes tal-għonq għandhom jiġu evitati; rakkomandat xugaman nadif minflok

Apparti dan, il-maniġment jista’ jirrifjuta lill-klijenti jekk dawn jidhru ma jifilħux, irid jara li ġol-ħanut ikun hemm persuna waħda kull 10 metri kwadri, bl-impjegati inkluż. Il-klijenti m’għandhomx ipoġġu f’aktar minn siġġu wieħed. Il-maniġment għandu jinkoraġġixxi li l-klijenti jagħmlu appuntament minn qabel, u l-appuntamenti għandhom isiru imbegħdin minn xulxin kemm jista’ jkun. Għandha ssir tabella barra l-ħanut li mhux se jiġu aċċettati klijenti mingħajr appuntament.

Iridu jkun hemm tabelli fil-ħanut li jgħidu biex tinżamm id-distanza bejn in-nies, u l-awtoritajiet qegħdin jisħqu fuq it-tindif kontinwu tas-siġġijiet, u tal-apparat u l-materjal li jintuża. Il-klijenti lanqas ma huma permessi jaslu qabel il-ħin u jistennew fil-ħanut, u lanqas ma jistgħu jieħdu lit-tfal magħhom għall-appuntament. Barra minn hekk, il-maniġment irid jara li meta jaslulu l-prodotti, ma jkunx fil-ħin li jintlaqgħu klijenti fil-ħanut.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn