“X’qed jistenna l-Ministeru biex jieħu azzjoni dwar is-sigurtà fl-iskejjel?” – MUT

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) sostniet li l-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, m’għandux jibqa’ jittratieni milli jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà fl-iskejjel.
Dan wara l-każ ta’ nhar il-Ġimgħa meta tliet ommijiet ġew fl-idejn quddiem l-iskola tan-Naxxar.
L-MUT sostniet li jekk il-Ministeru għall-Edukazzjoni jibqa’ ma jieħux azzjoni se jkollha tieħu passi min-naħa tagħha sabiex tipproteġi lill-ħaddiema fl-iskejjel.
Fi stqarrija, l-MUT spjegat kif matul din is-sena skolastika diġà kien hemm tliet każijiet serji li ġew irrappurtati fil-midja. Sostniet li dawn il-każi qed jiġu trattati bħala każi iżolati, meta huma gravi biżżejjed li għandhom jittieħdu b’aktar serjetà.
Irrimarkat li “l-Ministeru m'għandux għalfejn jistenna li jkollu każ ieħor, u vittmi oħrajn, qabel ma jimplimenta miżuri ta’ sigurtà li jinkludu l-preżenza kontinwa ta’ uffiċjal tas-sigurtà fl-iskejjel kif ukoll it-tisħiħ tal-preżenza tal-Pulizija waqt id-dħul u l-ħruġ tal-istudenti”.
Temment l-istqarrija billi fakkret li l-Ministeru għandu diġà studju dwar il-miżuri ta' sigurtà li għandhom jittieħdu fl-iskejjel iżda tgħid li dan l-istudju baqa' fuq l-ixkaffa.