X’qiegħed jippjana Franġisku?

Elliott Micallef bħala Franġisku

Matul din il-ġimgħa l-istazzjon Melita More, Cable Channel 315 se jkun qed ixandar ħames puntati oħra ta’ din is-sensiela bi produzzjoni ta’ DBA Entertainment, fil-ħin tat-7.45pm. Bħalissa qed jixxandru l-puntati mis-sitt staġun.

It-Tnejn 4 ta’ Mejju

Issa li l-Pulizija jafu x’ġara mit-Taljani li nqatlu minn Miss Chewy, x’se jkun il-pass li jmiss? Se jirnexxielu Karl ikompli għaddej bl-undercover mingħajr ma jinqabad? Kif se jkompli l-pjan tan-Niċċa? Se jsib mod kif jeħles minn Tereż darba għal dejjem? U Vicky x’se tagħmel wara dak li qallha r-raġel tagħha?

It-Tlieta 5 ta’ Mejju

Franġisku qed joħloq kjass qalb il-Korp tal-Pulizija. Matthew u Chloe flimkien mat-tim Forensiku, qed jagħmlu minn kollox biex jipprovaw jaslu għalih, iżda mhu qed isibuha faċli xejn. Amir u Amy għandhom il-ħsieb li jużaw iż-żejt tal-ħaxixa. Se jirnexxielhom fil-ħsieb tagħhom? X’qed jiġrilu Robbie ma’ Maya? Vera qed jintilef warajha? Jew qed jilgħab xi logħba biex jipprova joħroġ xi verità minnha? U l-istess ħaġa tgħodd minn naħa tagħha wkoll?

L-Erbgħa 6 ta‘ Mejju

Issa li Amir sar jaf li missieru qatt ma kien Ali iżda’ huwa Charles, kif se jibqa’ m’ommu? X’se jagħmel? X’beħsiebu jagħmel lil Chris biex ipattihielu talli m’avżaħx li qed isegwi hu direttament lil Tino? Franġisku x’qed jippjana? Għandhom il-ħjiel it-tajjeb il-Pulizija dwar il-vittma li jaħsbu li jmiss? Kif se jibqgħu l-Brimbu, Niċċa u Dondon, dwar il-biċċa xogħol ta’ Tereż? Se jirnexxi l-pjan li jagħmlulha bomba fil-mobile? Se jirnexxielhom jeħilsu minnha darba għal dejjem? U kif beħsiebhom iwassluha għandha? Se tasal Vicky ttijielha?

Il-Ħamis 7 ta‘ Mejju

Sarah ma taqbel xejn mal-kumplament tal-familja tagħha fejn jidhol missierha. Kulħadd iridha żżomm il-bogħod minnu minħabba dak li-ġara fil-passat. Iżda hi għandha xewqa waħda biss, li ssir tafu u tibda tibni relazzjoni miegħu. Min għandu raġun? Ta’ min ħa tgħaddi fl-aħħar mill-aħħar? Clint min-naħa tiegħu, għalkemm Chloe u l-membri l-oħra tal-familja warrbuh u wrewh biċ-ċar li ma jriduhx jersaq lejhom. Ma tantx qisu lest li jaqta’ qalbu malajr u beħsiebu jibqa’ jippersisti biex jiħhaq il-mira tiegħu, dik li jerġa’ jidħol lura f’ħajjet bintu. Tgħid jirnexxielu?

Il-Ġimgħa 8 ta‘ Mejju

Franġisku jidher li mhux bi ħsiebu li jieqaf u dan għax qisha l-missjoni tiegħu, hija aktar importanti mir-riskji li jieħu meta jaf li għandu l-Pulizija jiġru warajh. Min-naħa l-oħra, Matthew u Chloe jidhru determinati li jaslu f’tarf it-tunnel li daħlu fih u jsibu lil dan il-qattiel li qed joħloq kjass fil-pajjiż. Chris il-Vleġġa m’avżax lil Amir li hu stess qed jagħmel l-għassa lil Tino meta Amir wissieh kemm il-darba biex javżah fuq kollox li għandu x’jaqsam mad-droga. X’konsegwenzi se jkun hemm minħabba dan in-nuqqas tal-Vleġġa? X’se jagħmel Amir?