Wara li xi ħadd staqsa “Fejn huma tas-Sanità?” fuq artiklu f’gazzetta, l-assoċjazzjoni rrispondiet għal din il-mistoqsija.
L-MEHOA saħqet li fejn is-soltu f’dan iż-żmien tas-sena x-xogħol ikun pjuttost kwiet ikkumparat mas-sajf, din is-sena hija differenti minn kull aspett. Sa mill-bidu nett tal-pandemija, l-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali telqu mir-rutina tax-xogħol li kellhom u addattaw ruħhom għal oħra. Bdew jaħdmu fuq miżuri bħall-kwarantina, ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, l-għeluq ta’ postijiet u ħwienet, miżuri u protokolli biex setgħu jerġgħu jiftħu l-ħwienet, l-ilbies tal-maskri, limitazzjonijiet fin-numru ta’ nies fi gruppi, għeluq tal-bars, immaniġġjar t’eluf t’imejls dwar kwarantina u saħansitra dan l-aħħar l-involviment dirett fil-ħruġ tal-ittri tal-kwarantina.
Din l-assoċjazzjoni kkwotat ukoll statiska uffiċjali li tgħid kif saru ’l fuq minn 20,000 spot check relatati mal-coronavirus u nħarġu wkoll madwar 670 ċitazzjoni.
L-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali rnexxielhom jagħmlu dan kollu filwaqt li baqgħu joffru s-servizzi essenzjali fosthom l-investigazzjonijiet ta’ lmenti u avvelenament mill-ikel, każijiet ta’ legionella, iċċekkjar t’importazzjoni ta’ konsenji ta’ ikel u tabakk, id-dfin fiċ-ċimiterji tal-Gvern u l-permessi relatati u l-irtirar ta’ ikel mis-suq.
“Dan kollu sar mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, f’sitwazzjonijiet kultant perikolużi u b’riżorsi umani limitati, però sar bil-qalb,” saħqet l-assoċjazzjoni filwaqt li esprimiet li tinsab kburija bix-xogħol tal-membri tagħha.