Filmat: X’qed joffri din is-sena l-villaġġ tal-presepju?

Għaqda Milied ix-Xagħra / Facebook

Ir-raħal tax-Xagħra għal darb’oħra nbidel f’villaġġ tal-Milied jew kif inhu magħruf, ‘ir-raħal tal-presepju’. Din is-sena mhix eċċezzjoni għaliex hemm numru ta’ presepji għall-wiri. L-għaqda li torganizza l-attivitajiet ġo dan ir-raħal, L-Għaqda Milied fix-Xagħra ilha mwaqqfa mill-2004.

Il-President tal-Għaqda Elvin Borg tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-presepji esebiti fix-Xagħra.

Il-wirja ta’ presepji hija parti mit-tradizzjoni antika tal-presepji fix-Xagħra, li ta’ kull sena tiġi organizzata. Is-sena l-oħra kien hemm madwar 30 presepju għall-wiri. Din is-sena n-numru ta’ presepji għall-wiri huwa inqas minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u nsibu 16-il presepju għall-wiri. Fost il-presepji għall-wiri hemm ukoll il-presepju ħaj. Dan kien l-ewwel presepju ħaj ta’ dan it-tip f’Għawdex.

Fi snin l-imgħoddija, L-Għaqda Milied fix-Xagħra kienet torganizza diversi attivitajiet relatati mal-Milied fosthom seminar, workshops u l-kompetizzjonijet. Avveniment annwali ieħor kien il-Cavalcata dei Re Magi. Dan kien rappreżentazzjoni tal-wasla tas-slaten maġi f’ Nażarett. Dawn l-attivitajiet kollha kellhom jiġu kkanċellati minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Attività li daħlet fil-kalendarju tal-għaqda hi t-tqassim tal-ġulbiena. Din is-sena l-attività tradizzjonali saret fuq iz-zuntier tal-knisja fejn l-ewwel ġiet imbierka u wara tqassmet lir-residenti Xagħrin.