X’qed jistennew is-swieq fl-2020?

Għalkemm jekk tħares lejn l-opinjoni ta’ analisti differenti madwar id-dinja ssib perspettivi differenti, il-kunsens ġenerali għas-swieq fl-2020 huwa wieħed relattivament pożittiv. Dan wara li Indiċi ewlenin madwar id-dinja fosthom id-Dow Jones, S&P500 u Nasdaq temmew is-sena f’livelli rekord wara li aċċelleraw il-pass ‘il fuq lejn l-aħħar ġimgħat tal-2019. Wara sena relattivament kajmana jekk mhux diżappuntanti għall-investituri, Novembru u Diċembru ħallew għadd ta’ profitti hekk kif il-Federal Reserve Amerikana qata’ r-rati tal-imgħax u l-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina jidher li kkalmat xi ftit.

Dan huwa riflessjoni tal-andament ekonomiku, li wara sena xotta, mistennija tirpilja xi ftit fit-tnax-il xahar li ġejjin. Għall-2020, bosta esperti jidhru tal-qbil li se jkun hemm żieda fl-investiment madwar id-dinja, u minkejja li l-ekonomija taż-żona ewro mistennija tibqa’ ma tirkuprax, dan għandu jitpatta b’prestazzjoni aktar b’saħħitha mill-ekonomiji emerġenti. L-ekonomija Amerikana mistennija tibqa’ għaddejja b’andament pożittiv sa nofs is-sena hekk kif imbagħad toqrob elezzjoni Presidenzjali li tista’ tbiddel xi ftit l-affarijiet.

Fis-swieq tal-Punent, it-tkabbir u l-profitti huma mistennija l-aktar f’kumpaniji li jiddiżinjaw intelliġenza artifiċjali u telekomunikazzjoni 5G, kif ukoll cloud computing. Setturi oħra li mistenni jkomplu jikbru huma dawk fil-farmaċewtika, b’mod partikolari operaturi fil-qasam tal-kanċer, kumpaniji tal-bioteknoloġija, u oħrajn fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment