X’qed jingħad eżatt – Vera ġejja maltempata din il-ġimgħa?

Arkivji

Hekk kif minn għada jibda x-xahar ta’ Settembru, li l-bidu tiegħu huwa sinonimu mal-istennija tal-ewwel maltempata fil-Gżejjer Maltin, diversi rapporti u bassara tat-temp qed jindikaw li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis hemm ċans kbir li Malta tintlaqat mill-ewwel maltempata. Imma x’qed jingħad eżatt dwar din l-ewwel maltempata li jaf tolqotna għal dan l-istaġun u kemm hemm ċans li verament tolqotna?

Skont il-bassara tat-temp ‘Maltese Islands Weather’ matul din il-ġimgħa t-temp hu previst li jkun instabbli, bi probabilità għolja li tagħmel xi xita matul il-jum tal-Ħamis, madanakollu l-ebda temp estrem mhu qed ikun previst sa issa, għal kuntrarju ta’ xi rapporti sensazzjonali li kienu qed jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali biex jallarmaw in-nies.

🗓 6 Day Weather Forecast (31/08/2020 to 05/09/2020) 🗓Visit our website at www.malteseislandsweather.com

Posted by Maltese Islands Weather on Saturday, August 29, 2020

Sadanittant skont il-bassara tat-temp ‘Aġġornament tat-Temp’ l-ewwel maltempata fil-Mediterran hi prevista bejn l-Erbgħa mis-7.30pm ‘il quddiem u l-Ħamis kmieni filgħodu. Skont dan ir-rapport il-possibilità li l-maltempata tifforma hija għolja, madanakollu l-Erbgħa hemm ċans ta’ 50% li din ixxarrab il-Gżejjer Maltin filwaqt li l-Ħamis hemm ċans ta’ 70%. L-istess rapport sostna li dan it-temp u previżjoni jistgħu jinbidlu u jkunu aġġornati skont ir-riħ.

l ewwel Maltempata fil – Mediterran hi prevista bejn nhar l erbgħa bejn 7.30pm u l Ħamis li ġej. Ċertezza li ser…

Posted by Aġġornament tat-temp on Saturday, August 29, 2020

L-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li l-Gżejjer Maltin jintlaqtu mix-xita tul il-jum tal-Ħamis u possibbilment anke xi ftit is-Sibt.

Sadanittant jidher fiċ-ċert li din il-ġimgħa se nieħdu ftit ruħ mis-sħana u riħ isfel li ħakmu l-Gżejjer Maltin fl-aħħar ġimgħat hekk kif ir-riħ mistenni jdur għat-Tramuntana u Majjistral matul din il-ġimgħa b’temperaturi ftit iktar friski.