X’qed jingħad dwar l-elezzjoni?

L-ispekulazzjoni li elezzjoni bikrija tissejjaħ għada jew nhar it-Tlieta ddominat il-gazzetti li joħorġu l-Ħadd.
The Malta Independent on Sunday tgħid l-pajjiż jinsab fi klima elettorali u li l-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija jekk il-Prim Ministru hux se jsejjaħ elezzjoni bikrija fl-indirizz tiegħu waqt il-mass meeting ta’ għada fil-Belt Valletta.  Tirreferi għar-rapport li ħarġet tliet Iħdud ilu, meta l-allegazzjonijiet dwar Egrant kienu għadhom ma ħarġux. Dakinhar il-gazzetta kkwotat sorsi qrib il-Gvern li qalu li l-elezzjoni ssir qabel jispiċċa s-sajf.
Dwar elezzjoni bikrija, The Malta Independent on Sunday tkellmet ma’ diversi persuni distinti, fosthom l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi li qal li elezzjoni bikrija ma tissejjaħx f’ċirkostanzi normali. Min-naħa tiegħu, l-eks-Prim Ministru Laburista Alfred Sant kien aktar kawt u stqarr li m’għandux l-informazzjoni li għandu l-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni.
Il-gazzetta Illum tirrapporta li l-Prim Ministru mistenni jxolji l-Parlament nhar it-Tlieta li ġej u jiskatta mill-ewwel il-proċess li jwassal għal elezzjoni ġenerali f’Ġunju. Tgħid li l-kampanja elettorali mistennija tkun qasira, u li l-jiem l-aktar probabbli li fihom issir l-elezzjoni se jkunu t-3, l-10 jew is-17 ta’ Ġunju.
L-Illum tirreferi għad-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Tirrapporta li qabel l-allegazzjonijiet tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ bejn 25,000 u 28,000 vot. Żiedet tgħid li dan id-distakk issa naqas għal bejn 17,000 u 20,000 vot favur il-Partit Laburista. Tirrapporta wkoll li din setgħet kienet ir-raġuni li wasslet għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru, għalkemm mhux kulħadd fil-PL jaqbel magħha.
Il-gazzetta oħt tal-Illum, il-MaltaToday ippubblikat l-aħħar sondaġġ tagħha li juri li l-Partit Laburista qiegħed b’4 punti minn fuq. Dan minkejja li l-fiduċja tan-nies fil-Prim Ministru naqset bi tliet punti u fil-Kap tal-Oppożizzjoni żdiedet b’punt. Is-sondaġġ juri li d-distakk ta’ 3.5 punt fil-fiduċja li jgawdu l-mexxejja politiċi ewlenin, huwa l-aktar wieħed qrib mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet.  Madanakollu huwa ftit ogħla milli kien f’Marzu 2016, wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Il-Mument tgħid ukoll li l-Prim Ministru jista’ jsejjaħ l-elezzjoni ġenerali bejn għada u t-Tlieta. Tirrapporta li Joseph Muscat se jagħżel elezzjoni bikrija minflok jirriżenja. Tikkwota nies fi ħdan il-Partit Laburista jgħidu li b’din id-deċiżjoni, Muscat se juri li ġab l-ewwel l-interessi personali, tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.
The Sunday Times of Malta tirreferi għas-sejħa għal elezzjoni bikrija fl-editorjal biss, u tiddeskrivi l-ispekulazzjoni li l-elezzjoni ssir f’Ġunju, bħala idea ħażina ħafna.  
It-Torċa tkellmet mal-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta, li saħaq li hu importanti li jkun stabbilit jekk hux se ssir elezzjoni bikrija. Spjega li mhux permess staġnar minħabba inċertezza fil-klima politika.
Tista’ tara l-faċċati tal-gazzetti kuljum fuq Newsbook.com.mt