X’qed jgħidu l-kandidati għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista?

It-tliet kandidati għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna esprimew il-ħiliet partikolari tagħhom li permezz tagħhom għandhom ikunu huma fil-kariga ta’ Viċi Prim Ministru.
Fi stqarrija l-Ministru Helena Dalli qalet li d-delagati tal-PL għandhom l-opportunità biex jaħtru mara f’waħda mill-ogħla karigi ta’ tmexxija tal-Partit u ta’ Malta. Stqarret li jekk jeleġġu lilha, id-delegati jkunu qed iżommu mat-tradizzjoni tal-PL li minn dejjem kien fuq quddiem nett biex ta sehem lill-mara fl-ogħla karigi tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Fearne qal li huwa lest li permezz tal-kariga ta’ Deputat Mexxej ikompli jagħti l-appoġġ, l-entużjażmu u l-enerġija tiegħu biex il-proġett varat mill-Prim Ministru Joseph Muscat, dak ta’ moviment li lest biex imexxi lil Malta, jiġġedded għal aktar leġiżlaturi. Saħaq li se jibqa’ saqajh mal-art, umli, qrib il-votanti u d-delegati tal-Partit.
Fl-għeluq tal-kampanja tiegħu l-Ministru Edward Scicluna qal li l-irwol tad-Deputat Prim Ministru huwa li jnaddaf isem Malta mit-tajn li ntefa’ fuq ir-reġim fiskali qabel l-aħħar elezzjoni. Stqarr li qabel l-elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru kien qal li n-nies għandhom jafdaw lilu bil-post tax-xogħol tagħhom. Temm jgħid li hu se joffri l-kompetenza, l-esperjenza u l-lealtà biex jaqdi d-dmirijiet ta’ Deputat Prim Ministru.
Nhar il-Ġimgħa li ġej se jintemm l-ewwel rawnd ta’ voti għal Deputat Mexxej. F’każ li ħadd mill-kandidati ma jġib 50%+1 issir elezzjoni bejn l-ewwel żewġ kandidati nhar is-Sibt li ġej.