X’qed jgħidu fuq Robert Abela l-ġurnali barranin?

Il-ġurnali barranin komplew bir-rappurtaġġ tagħhom fuq Malta issa li Robert Abela ġie elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista, u se jinħatar Prim Ministru għada wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat.

Wara rappurtaġġ estensiv tal-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-ġurnali qed jieħdu interess ukoll fil-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta Robert Abela.

Ħafna ġurnali, fosthom The New York Times, kitbu li għall-bidu Chris Fearne kien mistenni li jirbaħ l-elezzjoni tal-bieraħ. Abela qed jitqies il-politiku żagħżugħ bi ftit esperjenza, li beħsiebu jkompli fuq il-passi ta’ Joseph Muscat. L-artiklu tal-BBC jgħid illi Abela evita li jikkritika lil Muscat jew kif Muscat aġixxa fir-rigward tal-investigazzjoni tal-assassinju. L-artiklu ta’ The Guardian innota kif kemm Abela u kemm Fearne rrappreżentaw kontinwità u ma ddiskutewx l-investigazzjoni tal-assassinju fil-kampanja tagħhom.

Fid-diskors tiegħu dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkundanna din il-kontinwità li Abela stqarr li jixtieq li jkun hemm fil-Gvern tiegħu.

Minn xħin beda l-għadd tal-voti, Abela kien minn dejjem fuq quddiem. Fl-aħħar għadd kiseb 57.9% tal-voti, bl-avversarju tiegħu Chris Fearne jikseb 42.1%. B’kollox kien hemm 16,216 tesserat tal-PL li vvutaw fl-elezzjoni li ntemmet is-Sibt filgħaxija. It-turnout kien ta’ 92.5%.