X’qed jgħidu fuq il-bitcoin?

Il-bitcoin jew aħjar il-cryptocurrencies (muniti virtwali) għaliex wara kollox il-bitcoin hija biss waħda minn eluf ta’ muniti virtwali fis-suq huwa suġġett li dwaru qam interess kbir madwar id-dinja. Iżda r-realtà x’inhi? Huwa mezz sigur ta’ kif wieħed ikollu transazzjonijiet kummerċjali? Se ssir realà ta’ kuljum fil-futur immedjat?
L-iskop ta’ munita virtwali huwa li sservi ta’ flus diġitali li huma siguri u ġeneralment, anonomi. Il-kelma ‘crypto’ quddiem ‘currency’ tirreferi għal fatt li din hija sistema kompjuterizzata mibnija fuq kodiċi li huwa prattikament impossibbli biex jiġi deċifrat. Bitcoin, ilha fis-suq mill-2009, u llum għandha valur ta’ aktar minn $10,000.
Fl-artiklu tal-lum, se nħarsu lejn x’qed jgħidu l-pajjiżi ewlenin f’dan is-settur:
L-Istati Uniti u l-Kanada
Il-Federal Reserve Amerikan ma tantx huwa entużjast bl-iżvilupp tal-cryptocurrencies, minħabba li għad hemm kwistjonijiet tekonoloġiċi kbar, sfidi serji mill-aspett tal-privatezza u dubji fuq kwistjonijiet marbuta ma’ ġestjoni tar-riskji.
Madankollu, minkejja din il-pożizzjoni fuq livell federali, din is-sena tmien Stati Amerikani ressqu leġislazzjoni li taċċetta l-użu tal-bitcoin, bi tnejn minnhom, il-Vermont u l-Arizona diġà approvawhom.  Lil hinn mill-fruntiera tat-Tramuntana, fil-Kanada, l-aċċettazzjoni tal-muniti virtwali tidher aktar b’saħħitha, madankollu, b’insistenza ċara: li l-bitcoin u muniti simili mhumiex “forom reali ta’ flus”, iżda tip ta’ asset li wieħed jista’ jinvesti fiħ bħal prodotti oħra ta’ investiment.
Fl-Ewropa
Min-naħa tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew kien aktar b’saħħtu fid-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar ir-riskji assoċjati ma’ dawn il-muniti virtwali. Ftit tal-ġranet ilu, il-VIii President tal-Bank iddikjara li għalih bitcoin mhix munita iżda “tulipan”, referenza ċara għal dak li kien ġara fis-Seklu 17, fl-Olanda, meta l-prezz ta’ dawn il-fjuri kien intefaħ b’mod esaġerat sakemm wasal biex krolla kompletament is-suq u bosta investituri tilfu ġidhom.
Uffiċjali oħra tal-Bank Ċentrali Ewropew ddeskrivaw il-bitcoin bħala xi ħaġa li għandha valur li mhux stabbli, li jista’ jintuża faċilment għall-evażjoni u l-ħasil ta’ flus, u li anke jista’ jkun sors ta’ kriminalità.
Fl-aħħar ġranet, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) wkoll qalet tagħha fuq is-suġġett, għalkemm iffukat aktar fuq dak li qed jissejħu Initial Coin Offerings, li prattikament huwa tip ta’ crowdfunding permezz ta’ muniti virtwali ġeneralment użat minn kumpaniji ġodda. Skont l-EBA, dan it-tip ta’ prodott huwa investiment mill-aktar spekulattiv, aktarx mhux koprut minn ebda leġislazzjoni jew regolamentazzjoni, suxxettibbli għall-anonomità u allura vulnerabbli għal frodi u attivitajiet illegali.
Filwaqt li l-pajjiżi Ewropej il-kbar kollha tista’ tgħid irriflettew din il-pożizzjoni, fuq quddiemnett il-Ġermanja u Franza, ir-Renju Unit, ħa pożizzjoni kemmxejn differenti. Il-Gvernatur tal-Bank of England Mark Carney qal li dawn il-muniti virtwali jistgħu jkunu “parti minn revoluzzjoni fil-finanzi”. Aktar minn hekk, kien proprju l-istess Bank li fetaħ dak li qed jissejjaħ financial technology accelerator, bl-iskop li jservi ta’ inkubatur għall-kumpaniji żgħar f’dan il-qasam. Carney ammetta wkoll li jara futur tajjeb għat-teknoloġija tal-blockchain, li jista’ jkun mezz ta’ sigurtà importanti u jibdel il-mod ta’ kif isiru l-ħlasijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-konsumaturi.
Il-Lvant Imbiegħed
Fil-Lvant, il-pożizzjoni hija nqas ċara, bil-pajjiżi ewlenin għalissa jżommu pożizzjoni differenti minn xulxin.
Fost l-aktar miftuħa għar-realtajiet il-ġodda, iċ-Ċiniżi jsostnu li wasal iż-żmien li din it-teknoloġija tiġi aċċettata, iżda, fi stil tipiku ta’ dan il-pajjiż, huwa l-bank ċentrali li għandu kontroll assolut fuq il-muniti virtwali. Filfatt, iċ-Ċina tipprojbixxi l-produzzjoni ta’ muniti diġitali kif ukoll l-iskambju kummerċjali ta’ bitcoin.
Fin-nofs, il-Ġappun qal li għadu qed jistudja s-sitwazzjoni. F’diskors riċenti, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Haruhiko Kuroda qal li l-BOJ m’għandux pjan immininenti li joħroġ hu minuti diġitali, iżda filwaqt li ammetta li dawn il-muniti joħolqu sfida għal bażi tas-sistema bankarja, huwa ammetta li huma realtà li wieħed ma setax jaħrab minnha.
Fin-naħa l-oħra tal-munita, l-Indja u l-Korea t’Isfel esprimew pożizzjoni kompletament kontra dawn il-muniti, li ddeskrivithom bħala sors ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.