X’qed jgħidu dwar il-Baġit?

Miguela Xuereb

Read in English.

Min ifaħħar u min imaqdar. Taħlita mżewqa ta’ reazzjonijiet bdew ħerġin saħansitra waqt li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien qed jaqra d-diskors għall-Baġit 2020.

“Baġit pożittiv imma diżappuntati” – BirdLife

BirdLife Malta laqgħet b’sodisfazzjon numru ta’ miżuri favur l-ambjent li tħabbru lbieraħ fil-Baġit għas-sena d-dieħla, imma hija diżappuntata li ma ngħatatx biżżejjed importanza lil inizjattivi relatati direttament mal-bijodiversità u l-ħarsien tan-natura fosthom is-sejħa tagħha u ta’ diversi NGOs oħrajn biex f’Malta jkollna taqsima speċjalizzata u armata li tiġġieled reati kriminali marbutin man-natura.

“Baġit tal-kontradizzjonijiet” – AD

Għall-Alternattiva Demokratika (AD), dan kien baġit tal-kontradizzjonijiet u jelenka lista tagħhom:

  • Isaħħaħ il-pensjonijiet, ma jibdiex proċess ta’ reviżjoni tal-mekkaniżmu kif il-paga minima tkun ikkalkulata biex issir paga li tirrifletti l-ħtiġijiet
  • Kważi ħabbar id-data meta se tispiċċa l-importazzjoni tal-karozzi tal-petrol u d-diesel, imma ma ddikjarax moratorju fuq il-kostruzzjoni ta’ pompi tal-petrol ġodda.
  • Induna li hemm bżonn strateġija msejħa Green New Deal imma ħoloq biżibilju inċentivi li jservu biss biex jinkoraġġixxu iktar żvilupp.
  • Jitkellem dwar Għawdex bħala gżira ekoloġika, imma fl-istess nifs jinsisti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, “li se sservi biss biex taċċellera l-qerda ambjentali ta’ Għawdex”.

“Baġit soċjali, b’nuqqas ta’ inċentivi ċari għal ekonomija ħadra” – Żminijietna – Leħen ix-Xellug

Żminijietna – Leħen ix-Xellug qalet “li l-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-qasam soċjali huma pożittivi, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, trasport pubbliku bla ħlas lill-persuni ‘l fuq minn 75 sena, kif ukoll benefiċċji oħra li se jgħinu lill-familji fil-bżonn, persuni b’diżabilità, u persuni b’mard sever”. Irrimarkat li l-Gvern kellu jkun aktar avventuruż f’oqsma oħra li jinċentivaw l-ekonomija l-ħadra billi: jaġevola l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda li jinvestu fi produzzjoni ta’ prodotti minn skart riċiklabbli – il-plastik, il-kostruzzjoni u materjali oħra.

“Bżonn iktar servizzi għall-vetturi kummerċjali”Kamra tan-Negozju għal Għawdex

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex laqgħet b’sodisfazzjon il-Baġit 2020 iżda esprimiet ix-xewqa li ċerti investimenti li pproponiet jiġu kkunsidrati. Dawn jinkludu fost l-oħrajn investiment fiċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex. Temmen ukoll li għandhom jiġu ddedikati iktar servizzi għall-vetturi kummerċjali fil-qasam tat-trasport bil-baħar.

Baġit pożittiv fid-dawl ta’ ekonomija li qiegħda tikber – GRTU

Il-GRTU esprimiet is-sodisfazzjon għall-Baġit 2020 u ddeskrivietu bħala Baġit pożittiv meta l-ekonomija għaddejja b’ritmu mgħaġġel ħafna. Fost il-miżuri li laqgħu b’entużjażmu kien hemm:

  • It-tnaqqis ta’ 1.5% boll għat-trasferiment tan-negozju
  • l-ewwel 100 siegħa over-time f’sena, il-ħaddiema li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-20 elf ewro se jħallsu 15% taxxa.  Il-President tal-GRTU Paul Abela qal li din se tgħin biex ħaddiem jaħdem mal-istess kumpanija li magħha jkun jaħdem full-time, flok imur jagħmel part-time ma’ kumpanija ohra.
  • l-iskema tal-equity sharing li biha l-Gvern ikun lest li jislef sa €17,000 għax-xiri ta’ propjetà li titħallas lura mingħajr imgħax fi żmien 15-il sena
  • Iż-żieda ta’ €3.49 hija ta’ valur u anke ż-żieda ta €7 għall-anzjani għaliex hemm potenzjal ta’ aktar infieq.

Barra minn hekk, il-GRTU tistenna wkoll li l-Gvern iwettaq proposta oħra tagħha, dik li titnaqqas it-taxxa sa massimu ta’ 20% għan-negozji ż-żgħar.

Baġit limitat li ma joħloqx inizjattivi ġodda – For.Um.

Il-For.U.m Union Maltin iddeskriva l-baġit bħala baġit limitat li ma joħloqx inizjattivi ġodda. L-unjin ilmentat li l-baġit ma jindirizzax in-nuqqas ta’ edukaturi, l-infermiera u s-social workers kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

L-ikbar sfida ma ġietx indirizzata – Union of Professional Educators

Filwaqt li kienet pożittiva li Malta reġgħet irreġistrat surplus u li l-ekonomija kompliet timxi ‘l quddiem, l-Union of Professional Educators (UPE) temmen li l-ikbar sfidi tal-pajjiż tan-nuqqas ta’ edukaturi baqgħet ma ġietx indirizzata.

Baġit xott għall-qasam tal-edukazzjoni – MUT

L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) fl-ewwel reazzjoni tagħha elenkat lista ta’ proposti tagħha li ma ġewx milqugħa, filwaqt li nsistiet li kien baġit xott wisq fil-qasam tal-edukazzjoni. L-MUT semmiet li fid-diskors tal-Baġit baqgħu jissemmew inizjattivi li ilhom li tħabbru s-snin bħal My Journey, is-sala tal-iskola ta’ Santa Luċija u l-iskola tal-Qawra.


Sodisfatta ħafna – MDA

Minn naħa tagħha l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) saħqet li tinsab sodisfatta ħafna li l-proposti tagħha ġew adottati mill-Gvern kif ukoll li skemi oħra ġew estiżi. Dawn jinkludu l-iskemi tal-first-time u second-time buyers, l-inċentivi għal dawk li jixtru propjetà f’Għawdex u l-inċentivi għall-ġenituri li jittrasferixxxu n-negozji tagħhom lit-tfal.

Bżonn tiġi indirizzata l-ħsara fir-reputazzjoni ta’ Malta – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li l-baġit ippreżentat fl-2020 huwa riflessjoni ta’ stabbilità makro-ekonomika, riżultat ta’ surplus fl-aħħar snin u tnaqqis fid-dejn pubbliku.L-MEA, fi stqarrija stqarret li hi kontra iktar ġranet ta’ leave, hekk kif fi kliemha Malta għandha l-ogħla allokazzjoni ta’ leave fid-dinja.

L-Assoċjazzjoni saħqet li sitwazzjoni oħra li hemm bżonn li tiġi indirizzata hija l-ħsara fir-reputazzjoni ta’ Malta, ikkawżata minn diversi skandli. Fissret li l-livell ta’ prestazzjoni ekonomika huwa dipendenti fuq ir-reputazzjoni tagħna.

Pożittiv, bżonn li jindirizza s-sostenibbiltà – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) qalet li l-Baġit 2020 kompla jibni fuq il-prinċipji ekonomiċi stabbiliti fl-aħħar snin. Filwaqt li faħħret dak li sejħet bħala inizjattivi konkreti, insistiet li l-Gvern għandu jniedi l-viżjoni 2025 dwar is-sostenibbilità.

Ġurnata oħra leave spiża għall-kumpaniji Maltin – Il-Kamra tal-Kummerċ

L-ewwel reazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ kienet waħda ta’ sodisfazzjon għax l-appelli tagħha lill-Gvern biex ma jintroduċix sorpriżi u taxxi ġodda, ġew milqugħa.  Irrimarkat li d-deċiżjoni ta’ ġurnata oħra leave, se tkompli żżid l-ispiża għall-kumpaniji Maltin.

Minister for Finance Edward Scicluna, accompanied by Speaker of the House of Representatives Anġlu Farrugia, presents President George Vella with a copy of the Budget publications for the year 2020 at Sant’Anton Palace.

Baġit għaqli għal soċjetà aktar ġusta – GWU

Il-General Workers’ Union stqarret li dan kien baġit għaqli għal soċjetà aktar ġusta.

Fi stqarrija, il-GWU qalet li tinsab sodisfatta li l-Gvern laqa’ l-proposta tagħha u matul is-sena d-dieħla se jagħti bidu għat-twessigħ fil-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali għall-ħaddiema kollha tal-kuntratturi li jagħtu servizz f’kumpaniji privati.

Il-GWU kuntenta wkoll li l-Gvern attwa diversi proposti oħra bħal:

  • Ġurnata oħra leave bħala kumpens għall-festi li jiġu fi tmiem il-ġimgħa
  • Tnaqqis fit-taxxa fuq l-overtime
  • Għajnuna parzjali f’każ li impjegati jkollhom jieħdu l-leave tal-mard biex jieħdu kura f’każ ta’ kanċer u mard rari
  • Żeida fil-pensjonijiet, titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji tal-persuni b’diżabilità, għajnuna għar-romol

Baġit li beża’ minn diversi sfidi serji – UĦM

Għall-Unjin Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers, dan il-baġit beża’ mill-isfida tat-trasport, mill-isfida ta’ ħaddiema barranin u mill-isfida tal-pensjonanti “taż-żgħażagħ tagħna”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-unjin, Josef Vella, stqarr li l-UĦM ippretendiet li dawn l-isfidi jittieħdu b’serjetà kbira. Fl-istess waqt irrimarka li kien tajjeb li ngħatat żieda wkoll għall-ħobż u għall-ħalib, minkejja li ppretendew li din tkun fil-COLA, jiġifieri fil-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja.  L-unjin xtaqet iktar impenn mill-Gvern dwar il-housing soċjali.

DOI – Jason Borg

Il-UĦM laqgħet b’mod pożittiv:

  • It-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tal-pensjonanti
  • Kull kuntratt li jsir fuq xiri ta’ proprjetà taħt l-iskema tal-first time buyers se jkun eżentat mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €175,000 minflok fuq l-ewwel €150,000. (Il-UĦM kienet ipproponiet li din titla’ sa €250,000).
  • Iż-żieda fil-capping tal-kirjiet li minn €14,500 telgħet għal €19,000 għal persuna li tgħix waħedha u minn €28,600 għal €32,000 għall-koppji.
  • It-traħħis fit-tariffi għal min isuq vetturi elettriċi.

Il-Malta Motorsport Federation (MMF) tilqa’ b’sodisfazzjon li l-Gvern reġa’ għal darb’oħra ikkonferma li qed ikun qed jagħmel il-pass li jmiss biex iwettaq il-proġett tant mistenni minn ħafna dilettanti tal-isport tal-Motorsport, jiġifieri il-progett tat-Trakka tal-Karozzi.

Il-Federazzjoni tistqarr li ma kienetx sodisfatta li proposti oħrajn minuri li ressqet ma ġewx inklużi, proposti li fi kliemha setgħu kienu ta’ għajnuna temporanja sakemm jitwettaq l-istess proġett.

Miguela Xuereb