X’qed jgħidu dwar il-Baġit? L-ewwel reazzjonijiet

Aġġornat 01:56 PM

Il-Gvern se jimplimenta s-suġġerimenti tal-MDA

Il-Malta Developers Association (MDA) fl-ewwel reazzjoni tagħha qalet li l-Gvern laqa’ diversi proposti mill-assoċċjazzjoni u inkludihom fil-baġit ta’ din is-sena.

Żiedu li dak li tħabbar illum huwa pass ‘il quddiem fis-settur tal-propjetà kif ukoll f’setturi importanti oħra bħall-enerġija rinovabbli. L-Assoċċjazzjoni qalet li l-membri tal-MDA se jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lejn żvilupp sostenibbli għall-ekonomija Maltija kif ukoll se jagħtu l-kontibut tagħhom f’dan il-mument ekomomiku diffiċli.

L-MDA laqgħet b’mod pożittiv l-estensjoni tal-iskema tal-First Time Buyer, l-estensjoni ta’ inċentivi sabiex ikun hemm investiment modern u effiċjenti u jintuża makkinarju sostenibbli u effiċjenti favur l-ambjent.

Il-President tal-Assoċċjazzjoni Sandro Chetcuti qal li bħala Assoċċjazzjoni jinsabu sodisfatti b’dak li tħabbar illum.

Id-Deirettur Ġenerali Marthese Portelli qalet li l-Gvern sema mis-suġġerimenti u l-industrija se tkun qed tagħmel iktar investiment.

Mill-ġdid fuq l-ixkaffa l-wegħda ta’ sick leave għal ġenituri bi wlied morda – For.U.M.

Il-Forum Unions Maltin fi stqarrija qalu li Gvern mhux jitfa’ piżijiet ġodda fuq il-ħaddiema u qed jagħraf id-diffikultajiet li ġabet magħha din il-pandemija. Il-For.U.M madankollu qalet li tinsab diżappuntanta li l-Gvern ma wettaqx il-wegħda elettorali li l-ġenituri jkunu jistgħu jużaw parti mis-sick leave meta wliedhom ikunu ma jifilħux.

Fi stqarrija l-For.U.M. qal li fost il-miżuri tajbin li se jkompli jwettaq f’dan il-baġit huma li tawwal il-perjodu tal-wage suppliment, inħarġet skema oħra ta’ vawċers. Semmew ukoll skemi oħra fosthom ġurnata oħra għall-festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa, għajnuna lill-penzjonanti, persuni b’diżabiltà, persuni li jieħdu ħsieb qraba u aktar skemi bħala parti mill-istrateġija tal-green economy.

Baġit ‘li jestendi l-għajnuna għan-negozji’ – Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

Il-Baġit intlaqa’ b’mod pożittiv mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (Malta Chamber of SMEs), li nnuntat li numru ta’ proposti tagħha ġew inklużi.

Il-kamra laqgħet b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-iktar inċentivi importanti għall-Covid-19, partikolarment il-wage supplement li ġie estiż sal-aħħar ta’ Marzu. Innutat li se jkun hemm sistema aktar ġusta li se tiżgura li l-intrapriżi kollha li għandhom bżonn l-għajnuna se jirċievu l-għajnuna, u li hemm il-possibilità li jiġu inklużi impjegati ġodda.

Miżura oħra li ġiet milqugħa mill-kamra kienet is-sett ġdid ta’ vouchers, bil-kamra tgħid li tapprezza li dan is-sett se jkun imqassam b’mod aktar ġust bejn is-setturi.

Il-kamra qalet li l-Baġit ser jinċentiva l-investiment biex jgħin in-negozji jagħmlu trasformazzjoni diġitali u sostenibbli, bin-negozji jingħataw direzzjoni biex jirriġeneraw il-mudell ta’ negozju tagħhom.

Però, il-kamra qalet ukoll li l-inċentivi tat-taxxa u t-tnaqqis tar-rati tal-VAT – li għamlu ħafna pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea – kienu neqsin mill-Baġit ta’ Malta, anke jekk laqgħet iż-żieda fit-threshold għall-eżenzjoni mill-VAT minn €20,000 għal €30,000.

Żiedet li temmen li l-banek għadhom mhux qed ikunu l-protagonisti kif mistenni jkunu fis-sitwazzjoni preżenti, u li għandhom ixammru l-kmiem u jaraw kif isalvaw in-negozji.

Baġit ibbażat fuq riżultati inċerti – MEA

Fir-reazzjoni tagħha, l-Assoċċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li filwaqt il-Baġit jiffoka fuq bżonnijiet immedjati, kien hemm nuqqas ta’ viżjoni fit-tul.

L-MEA laqgħet l-estensjoni tal-wage supplement, miżura li mistennija żżomm il-qgħad f’livell baxx. Laqgħet ukoll iż-żieda fil-pensjonijiet u ż-żieda fit-threshold ta’ eżenzjoni tal-VAT bħala miżuri li jsaħħu d-domanda domestika. Però qalet li ż-żieda fil-leave kienet miżura “frivola.”

L-assoċċjazzoni innutat, però, li l-Baġit kellu previżjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku li kienu inċerti ferm minħabba żewġ fatturi – il-pandemija tal-Covid-19 u r-riżultat tal-evalwazzjoni tal-Moneyval, bir-riskju li Malta tiġi grey-listed.

Fakkret li l-pandemija se tkompli toħnoq is-settur tat-turiżmu, u li għadu kmieni biex tiddetermina x’rikupru se jkun hemm. Żiedet li għadu mhux magħruf kemm se jkun possibli għall-industrija tal-kostruzzjoni biex tibqa’ għaddejja bir-ritmu tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Moneyval se tiddetermina s-saħħa tas-settur finanzjarju, u l-MEA żiedet li dan qed joħloq inċertazza f’ħafna setturi. B’hekk kien hemm bżonn li r-reputazzjoni ta’ Malta tiġi mħarsa.

Baġit ‘limitat ħafna’ fil-qasam edukattiv – MUT

Il-Malta Union of Teachers qalet li filwaqt il-Baġit jagħraf l-isfidi tal-pandemija, kien wieħed limitat ħafna fil-qasam edukattiv.

Il-union insistiet li l-gvern għandu jħares lil hinn mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jagħti direzzjoni – u riżorsi adegwati – lis-settur.

Qalet ukoll li filwaqt li l-gvern qiegħed jaħseb dwar soluzzjonijiet ta’ malajr għall-problemi meta dawn jinqalgħu, għandu jaħseb ukoll fit-tul sabiex jittaffew il-problemi serji fil-qasam tal-edukazzjoni. Hi għamlet referenza partikolari għan-nuqqas ta’ edukaturi, u qalet li kien hemm bżonn inċentivi biex aktar żgħażagħ jersqu lejn il-professjoni.

Il-GWU tfaħħar l-għaqal tal-Gvern

Ir-reazzjoni tal-General Workers Union għall-Baġit 2021 kienet waħda pożittiva ħafna, bil-union turi l-apprezzament tagħha “lejn l-għaqal ekonomiku flimkien mad-dixxiplina fiskali li l-Gvern nieda fl-ekonomija tul dawn l-aħħar snin.”

Fakkret kif surplus fiskali fl-aħħar snin seta jissarraf fi żmien il-krizi ekonomika kkawżata mill-pandemija.

Il-GWU innotat li b’diversi miżuri, il-Gvern qed ipoġġi fuq quddiem nett it-tisħiħ fil-qasam tax-xogħol, u li l-baġit ser ikompli jwieżen il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà.

Qalet ukoll li l-baġit kien ferm pożittiv fil-qasam tal-ambjent, u li kienet ferm sodisfatta li ntlaqgħu il-proposti tagħha biex il-Gvern ikompli jindirizza l-inġustizzji relatati mal-eks-ħaddiema tax-xatt, il-gas board, l-electricity board u l-overtime tal-pulizija, kif ukoll il-proposta tagħha biex jinċentiva remote wokring.

Il-union żiedet li l-baġit ser ikompli jniedi direzzjoni b’saħħitha fl-ekonomija, u li fuq kollox, sodisfatta li l-baġit “qiegħed jagħti sigurtà, stabbiltà, serħan il-moħħ u fiduċja.”

Baġit mogħni b’miżuri soċjali, imma vag fuq l-ekonomija – Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li filwaqt il-baġit kien mogħni b’miżuri, ma kienx ċar fuq kif se jwassal għall-irkupru tal-ekonomija.  Qalet li filwaqt li l-baġit jirrifletti l-ottimiżmu tal-Gvern fuq l-ekonomija, in-negozjanti Maltin ma kellhomx l-istess ottimiżmu.

Il-kamra qalet li tirrikonoxxi li l-istakeholders kollha kellhom ifittxu opportunitajiet ġodda f’nofs din il-kriżi, iżda żiedet li l-baġit ma kellux biżżejjed dettalji fuq kif jista’ jintlaħaq dan l-għan.

Fl-istess ħin, laqgħet numru ta’ miżuri, inklużi l-estensjoni tal-wage supplement u s-sett ġdid ta’ vouchers.

Wissiet li r-riżultat tal-evalwazzjoni tal-Moneyval se jkun kruċjali għal Malta, u qalet li s-settur privat lest jgħin l-awtoritajiet biex terġa togħla r-reputazzjoni ta’ Malta.

Baġit li jgħin l-industrija tat-turiżmu tkompli tgħix – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) fakkret kif il-pandemija kellha impatt qawwi fuq is-settur tat-turiżmu, u ddeskriviet il-baġit bħala wieħed li se jgħin l-industrija tkompli taħdem matul il-kriżi.

Laqgħet l-estensjoni tal-wage supplement, li ddeskriviet bħala miżura essenzjali għall-industrija, kif ukoll il-fatt li dan is-sussidju se jkun estiż għal ħaddiema ġodda li jieħdu post dawk eżistenti: ħaġa kritika minħabba kif jopera s-settur, skont l-MHRA.

Il-vouchers ġodda wkoll intlaqgħu tajjeb, bl-assoċjazzjoni tgħid li dan kien messaġġ ċar li l-gvern jistma l-proposti tal-MHRA.

L-assoċjazzoni semmiet ukoll l-investiment fil-prodott tat-turiżmu Malti, il-pjan biex tiżviluppa turiżmi ġdid, in-nuqqas ta’ taxxi ġodda u l-miżuri soċjali.

Ikkonkludiet li temmen li l-industrija hi reżiljenti, u li kif tispiċċa l-pandemija se tkompli sservi bħala pilastru importanti għall-ekonomija Maltija.

F’dan il-baġit instemgħet aktar il-vuċi taż-żgħażagħ – KNŻ

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kellu reazzjoni fil-maġġorparti tagħha pożittiva għal dan il-baġit u wera sodisfazzjon li fih instemgħet aktar il-vuċi taż-żgħażagħ fuq għadd ta’ punti, pereżempju fejn jidħlu kampanji edukattivi fuq is-saħħa sesswali u aktar riżorsi għas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll riċerka fuq l-użu tal-kannabis. Il-KNŻ laqa’ għadd ta’ proposti bħal dawk li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jaħdmu bħala bdiewa, il-pjan għall-waqfien tal-importazzjoni ta’ plastik, it-twaqqif ta’ ċentru tal-komunità għal persuni LGBTIQ u l-ħidma kontra r-razziżmu.

Fl-istess waqt, il-Kunsill wera x-xewqa li xi proposti ġew żviluppati aktar, ngħidu aħna l-fatt li Għawdex għad għandu bżonn GU Clinic permanenti.

Fir-rigward ta’ pensjonijiet, il-Kunsill sejjaħ diżappuntanti l-fatt li l-bolol imħallsin minn taħt id-19-il sena qed jiġu inklużi biss għal dawk li twieldu qabel l-1962 u mhix xi ħaġa implimentata b’mod ġenerali għal din il-ġenerazzjoni.

Il-Kunsill ma naqasx milli jsemmi l-iffirmar tal-qbil tal-għoti tal-Miżieb u l-Aħrax lill-kaċċaturi, minkejja li fil-baġit kien hemm sforz fid-direzzjoni t-tajba għall-ambjent.

Lil hinn minn dak li ġie propost fil-baġit, il-KNŻ irid jara li jkun hawn korsiji aħjar għar-roti, li jkunu aktar siguri, kif ukoll fanali tat-triq b’panelli solari, aktar enfasi fuq edukazzjoni ċivili u fuq is-settur volontarju. Apparti dan, il-KNŻ qal li jidher li l-punti ewlenin fuq iż-żgħażagħ f’Għawdex mhux se jitwettqu, u dawn jinkludu l-biljetti tal-vapur u tal-linja f’biljett wieħed, aktar ċentri għaż-żgħażagħ u pixxina f’Għawdex.

Il-Kunsill staqsa wkoll jekk il-Covid Wage Supplement hux se jkun estiż għaż-żgħażagħ li jirċievu stipendju.

Baġit bla miżuri fiskali diretti għat-turiżmu Għawdxi imma proposti tajbin – GTA

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) uriet sodisfazzjon bil-baġit, u qalet li tifhem li dan ġie mħejji fl-eqqel ta’ pandemija, b’hekk stenniet li dan il-baġit jintroduċi mill-ġdid miżuri finanzjarji li jistimulaw l-attività ekonomika, bħall-iskema tal-vawċers u l-wage supplement.

Minkejja li ma kienx hemm miżuri fiskali li jolqtu t-turiżmu Għawdxi b’mod dirett, l-assoċjazzjoni kienet sodisfatta li proposta tagħha ssemmiet fil-baġit, dik tat-tiġdid ta’ Diving Master Plan għal Għawdex li jirrifletti l-preżent u l-futur.

Hi laqgħet ukoll li r-raba’ vapur se jkun permanenti, u li reġa’ ssemma l-fast ferry għal Għawdex.

Baġit 2021 – Xi jfisser għalik?