X’qed jgħidu dwar il-baġit?

Aġġornat 04:33 PM
MaltaGov

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar sett ta’ inċentivi sabiex ikompli jgħin lin-negozji u lill-poplu joħroġ fuq quddiem mill-pandemija tal-coronavirus. Il-Gvern ħabbar allokazzjoni ta’ €900 miljun għal dawn l-inċentivi. Intant, kienu diversi entitajiet, għaqdiet rappreżentanti u unions li taw ir-reazzjoni tagħhom dwar dawn l-inċentivi l-ġodda.

“Sodisfatti li l-Gvern sema’ mill-proposti tagħna” – MDA

L-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin qalet li tinsab sodisfatta li l-Gvern sema’ mill-proposti tagħha fejn tidħol l-imbuttatura għall-industrija tal-propjetajiet. Dan wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar tnaqqis fir-rata tal-boll fil-bejgħ u x-xiri ta’ proprjetà. Dan japplika għal dawk li se jiffirmaw il-kuntratt, u li jinkludu lil dawk li diġà għamlu konvenju. Min jixtri proprjetà li tiswa inqas minn €400,000 se jħallas 1.5% minflok 5%, filwaqt li min ibigħ se jħallas 5% minflok 8%. Dan l-inċentiv se jibqa’ jgħodd sal-aħħar ta’ Marzu 2021 u se jiswa €32 miljun.

Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti, qal li dawn l-inċentivi ġodda se jaraw li s-settur tal-propjetajiet u l-kostruzzjoni jistgħu jkomplu jgħinu l-irkupru ekonomiku tal-pajjiż. Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-MDA, Marthese Portelli qalet li t-tnaqqis fit-taxxi se jolqot żewġ naħat hekk kif se jkunu qed jgħinu kemm lil min qed ibigħ il-propjetà kif ukoll lil min qed jixtri.

“Il-baġit speċjali jirrifletti l-proposti tagħna” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-baġit speċjail tal-Gvern jirrifletti l-proposti li kienet għamlet permezz tad-dokument “Making a Success of the New Norm”. Hemm kienet qalet li hemm bżonn tnaqqis fl-ispejjeż operattivi għall-intrapriżi, stimulazzjoni tal-użu domestiku partikolarment fejn jidħol it-turiżmu u li l-ekonomija tal-pajjiż toffri assistenza professjonali biex negozji jibdlu l-mudelli u l-istrateġiji tagħhom.

B’hekk sostniet li tinsab partikolarment sodisfatta bl-inċentivi tal-Gvern. Dan b’mod partikolari fejn tidħol iż-żamma tal-wage subsidy, is-sapport fejn jidħlu l-ispejjeż operattivi tal-kumpaniji bħall-kera u l-prezz tal-fjuwil u s-sapport dirett li jgħin lin-negozji jikkunsidraw opportunitajiet ġodda. Semmiet ukoll li tapprezza l-investiment ta’ €400 miljun biex Malta tkun aktar attraenti kemm għal industriji eżistenti, kif ukoll dawk li għadhom qed jibdew.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, qal li dawn l-inċentivi se jgħinu lin-negozji jibdlu l-kriżi tal-coronavirus f’opportunità għat-tkabbir u ekonomija riġenerata.

“It-tnaqqas tal-wage supplement għal €600 jista’ jwassal għall-qagħad” – MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem qalet li l-inċentivi mħabbra mill-Gvern ġew f’waqthom u kienu pożittivi iżda qasmet ukoll xi punti ta’ kritika. L-MEA qalet li l-indikazzjonijiet huma li l-finanzi tal-gvern se jsofru deficit ta’ 5.5% fl-2020, ħafna negozji relatati mat-turiżmu jinsabu mwaqqfin totalment u l-figuri tagħhom mistennija jibqgħu baxxi minkejja li l-ajruport se jinfetaħ mill-ġdid. Dan filwaqt li ħafna familji spiċċaw bi dħul inqas.

Qalet li tifhem li b’rabta mal-aħħar żviluppi, il-gvern kellu jintroduċi miżuri li jistimulaw id-domanda domestika u li tkun kombinata ma’ inċentivi li jissapportjaw lin-negozju u jistimulaw l-investiment. Insistiet li l-perjodu ta’ Lulju u Settembru huwa perjodu kritiku għall-pajjiż hekk kif ħafna negozji se jkunu qed jiddeċiedu jekk inaqqsux l-operat tagħhom jew iżommuh kif kien qabel.

Hi rrimarkat li l-iskema tal-vouchers liċ-ċittadini ta’ 16-il sena ‘l fuq se tkun qed tinjetta l-fondi b’mod dirett fejn l-aktar hemm bżonnhom. Qalet li huwa wkoll inkoraġġanti li qalb il-miżuri msemmija hemm dawk li jinkoraġġixxu investiment fit-tul bħal dawk tal-Life Sciences Park u l-Marsa SME Industrial Park.

L-MEA tkellmet ukoll dwar punti ta’ kritika għall-miżuri tal-bieraħ. Qalet li t-tnaqqis tal-wage supplement għal €600 tista’ tirriżulta f’żieda fil-qagħad. Semmiet li t-tmexxija ta’ l-kumpaniji mill-benefiċċji ta’ Annex A għal Annex B kien pass prematur hekk kif ħafna negozji qed iżommu lill-ħaddiema tagħhom billi jagħmlu użu ta’ riżorsi interni. Qalet li l-grants għall-industrija tal-kostruzzjoni biex tinvesti f’attrezzament modern għandu jkun preżenti wkoll f’setturi oħrajn biex jibdlu għal tekonoloġija li hija aktar favur l-ambjent. Qalet ukoll li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandu jkun permanenti (anke jekk mhux b’50%) u għandu jkun applikat ukoll għad-djar.

“Kruċjali li terġa’ tinbena l-kunfidenza fl-ekonomija” – GBC

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija faħħret il-baġit multi-miljunarju tal-Gvern u qalet li bħalissa huwa kruċjali li tinbena mill-ġdid il-kunfidenza fl-ekonomija. Qalet li huwa importanti li l-wage supplement għas-settur tat-turiżmu tinżamm b’mod integrali u li tinżamm ukoll l-iskema għal Annex B. Qalet li d-diskriminazzjoni pożittiva f’Annex B għal intrapriżi Għawdxin għandha tinżamm.

Qalet ukoll li s-sistema tal-vouchers se tkun qed tassisti t-turiżmu domestiku f’Għawdex li f’dan l-istadju huwa kruċjali. Dan hekk kif Għawdex għandu dipendenza partikolari fuq it-turiżmu. Semmiet ukoll kif l-assistenza fuq il-kera u l-kontijiet tal-elettriku se tagħti lok lin-negozji biex jieħdu nifs bżonnjuż.

Insistiet li l-baġit huwa wieħed f’saħħtu u li se jinċentiva lill-ekonomija sabiex tibqa’ għaddejja anke f’dan il-perjodu diffiċli. Semmiet li filwaqt li l-inizjattivi fejn jidħlu proġetti infrastrutturali f’Malta huma pożittivi, dan l-invesiment għadu jsiru ukoll fi spazji industrijali f’Għawdex. Sostniet li hemm bżonn strateġija speċifika għal Għawdex li tiffoka speċifikament fuq is-setturi diġitali u tal-green economy.

“In-negozji se jkunu mgħejjuna jippreservaw lilhom innifishom” – Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li l-pjanijiet finanzjarji mħabbra lbieraħ se jkunu qed jgħinu lin-negozji biex jippreservaw lilhom innifishom u s-sitwazzjoni kurrenti tagħhom. Il-President tal-Kamra tal-SMEs, Paul Abela, qal li Malta dieħla f’perjodu diffiċli u x-xhur li ġejjin huma kruċjali biex jiddefinixxu l-ekonomija tal-pajjiż wara l-coronavirus. Qal li għal ħafna negozji, dawn ix-xhur li ġejjin se jkunu aktar diffiċli minn meta l-pandemija fil-pajjiż kienet f’saħħitha. Qal li l-għajnuna fil-kera, l-kontijiet u l-ispejjeż tar-riżorsi umani huma essenzjali sabiex in-negozji jsalvaw.

Il-Kamra rreferiet ukoll għal punt negattiv u qalet li l-għajnuna fejn tidħol il-kera huwa baxx wisq. Qalet li ħafna min-negozji kellhom ikomplu jħallsu l-kera waqt il-perjodu tal-pandemija. Spjegat li €2,500 se tkun qed tkopri biss l-ispejjeż tal-kera ta’ waqt il-pandemija u mhux se tħalli l-impatt meħtieġ.

Semmiet kif il-proposta tagħha li l-gvern jinċentiva lill-pubbliku inġenerali sabiex jinvesti fin-negozju lokali kienet aċċettata mill-gvern u ġiet preżentata f’forma ta’ vouchers. Il-Kamra tal-SMEs tkellmet ukoll dwar kif il-gvern sema’ t-talba tagħha biex ikun hemm aktar sapport għall-prodott lokali biex Malta tkun kemm jista jkun indipendenti. Qalet li l-Gvern offra l-Micro Invest Tax Credit b’rabta ma’ dan.

“Ma jindirizzax biżżejjed lill-ħaddiema u l-familji tagħhom” – UĦM – Voice of the Workers

Il-UĦM – Voice of the Workers sostniet li filwaqt li l-Gvern ħaseb fin-negozji, naqas milli jgħin lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-unjin qal li l-wegħda li għamel il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjail (MCESD) biex jitħallsu l-€400 min-naħa ta’ min iħaddem għandha tiġi onorata. Semma li l-imsieħba soċjali fl-MCESD kienu ftehmu li l-Gvern joħroġ €800, min iħaddem joħroġ €400 u l-kumplament ikunu qed iċeduh il-ħaddiema. Qal li sfortunatament hawn ħafna ħaddiema li ma rċevewx l-€400 għax l-employers ġew skużati. Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq li l-ħaddiema m’għandhomx ibatu milli jirċievu l-€400. “Dak kien il-ftehim u l-ftehim għandu jiġi onorat”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-fatt li dan il-mini-budget qed jagħti spinta ‘l quddiem lill-ekonomija, wieħed irid jara li l-allowances lill-ħaddiema ma jkomplux jitnaqqru. Din il-union ukoll qed tippretendi li t-take-home-pay tiġi lura għan-normal.

Barra minn hekk, il-UĦM Voice of the Workers tinsab diżappuntata li l-frontliners ma ngħatawx kumpens mixtieq u li kien mistenni għalihom. Dawn kienu ħaddiema li kienu fuq quddiem fil-battalja tal-COVID-19. Qalet li kienet qed tistenna inċentivi dwar il-green economy kemm minħabba l-industrija kif ukoll għall-familji. Tali inċentivi jistgħu jgħinu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom biex jinvestu f’pannelli fotovoltajċi bl-iskop li jkollhom tnaqqis fil-kont tad-dawl.

Intant, l-union laqgħet b’mod pożittiv il-vouchers li ngħataw lill-familji, partikolarment dawk li għandhom ulied ‘il fuq minn 16-il sena. Imma l-UĦM kienet qed tippretendi li dawk il-familji li għandhom tfal taħt is-16-il sena wkoll jibbenefikaw.

Il-UĦM innotat it-tnaqqis fil-kont tad-dawl għall-ħwienet, inċentiv pożittiv li din il-union iżda kienet qed tippretendi li jkun indirizzat ukoll lejn il-ħaddiema.  Dwar it-traħħis ta’ seba’ ċenteżmi fil-fjuwil, li jista’ jgħin lill-familji, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li dan ir-roħs ukoll se jgawduh l-employers. Tkellmet ukoll dwar it-telework u qalet li dan l-inċentiv għandu jkun policy nazzjonali għax huwa t-triq ‘il quddiem fid-dinja tax-xogħol.

Josef Vella saħaq li dan il-mini-budget qed jindirizza lill-industrija imma mhux daqstant lill-familji fil-faxxa tan-nofs u wisq inqas liż-żgħir. Hu qal li d-daqqa ekonomika kienet hemm u d-daqqa soċjali wkoll kienet hemm tant li l-Gvern għandu jiftakar li l-familji batew matul din il-pandemija u għalhekk iridu jingħataw l-għajnuna kollha sabiex iqumu fuq saqajhom.

“Minkejja li 3 xhur tard il-proposti tagħna nltaqgħu” – KNŻ

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ laqa’ l-miżuri mmirati biex isostnu l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ fil-perjodu tal-pandemija. Qal li minkejja li dawn iddaħħlu tliet xhur wara li pproponiethom, il-proposti issa se jkunu qed jidħlu fis-seħħ.

Il-KNŻ issa appella li l-ħlas dovuti lill-istudenti jingħata mill-aktar fiss possibbli sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni li kien hemm bejn l-istudenti li jaħdmu u l-kollegi tagħhom fuq ix-xogħol.

Fejn jidħlu l-proposti tagħha biex tissaħħaħ is-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ, il-KNŻ qal li jinsab iddispjaċut li dawn mhux se jiżdiedu. Għalhekk, ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jirriklamaw is-servizzi eżistenti biex aktar żgħażagħ jagħmlu użu minnhom.

“Id-dħul tar-ristoranti reġa’ qed jirpilja imma fadal xi jsir” – ACE

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) laqgħet l-inċentivi favur in-negozju mħabbra mill-gvern. Qalet li dawn se jkunu qed jgħinu biex ir-ristorani jerġgħu jiġu lura fuq saqajhom. Spjegat li minkejja li d-dħul minn meta’ reġgħu fetħu kien bejn 40% u 60% inqas minn kif kien qabel il-pandemija, dawn il-miżuri se jkomplu jinkoraġġixxu upward trend kemm direttament fl-industrija kif ukoll fis-sostenn u t-tkabbir tal-bażi tal-impjegati.

Fost il-miżuri li faħħret l-assoċjazzjoni kien hemm il-wage subsidies fl-istabbilimenti tal-catering li se jkomplu għaddejjin sal-aħħar ta’ Settembru, is-sussidju fuq l-ispejjeż tal-kera, liċenzji u kontijiet u l-proviżjoni ta’ vouchers biex jintefqu f’ristoranti, bars, lukandi u negozji oħrajn.

“Bżonn tibda ħidma fuq strateġija fit-tul għat-turiżmu” – GTA

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu qalet li temmen li hemm bżonn tibda ħidma fuq strateġija fit-tul għat-turiżmu għal wara l-coronavirus. Qalet li din għandha tiġi mfassla bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders kollha kkonċernati.

Il-GTA laqgħet il-miżuri mħabbra lbieraħ u qalet li dawn se jkunu qed jestendu aktar l-assistenza lis-settur tat-turiżmu biex jgħeleb l-effetti tal-coronavirus. Semmiet pożittivament l-estenzjoni tal-wage supplement sal-aħħar ta’ Settembru tal-2020, it-tnaqqis fil-prezz tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma bejn Lulju u Settembru, kif ukoll is-sussidju fuq il-kera fost oħrajn.

Pakkett maħsub u stimolu kbir għat-turiżmu – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) iddeskriviet il-pakkett ippreżentat ilbieraħ bħala wieħed maħsub u stimolu kbir għall-industrija tat-turiżmu. Il-President tal-MHRA Tony Zahra stqarr li x-xhur li ġejjin mhux se jkunu faċli għal-lukandi u r-restoranti u li €900 miljun fl-ekonomija se jkunu ta’ ġid għal kulħadd.

L-istudenti li se jiġu Malta għall-istudju tal-Ingliż mhux se jkunu biżżejjed – UPE

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE – Voice of the workers) qalet li qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi dwar l-Iskejjel tal-Ingliż, li skont il-Ministru għat-Turiżmu se jiftħu fl-1 ta’ Lulju li ġej.  L-Unjin esprimiet tħassib li l-għadd ta’ studenti se jiġu Malta biex ikomplu bl-istudji tagħhom mhux se jkunu biżżejjed biex isostnu l-industrija. Esprimiet sodisfazzjon li l-Wage Supplement ġie estiż sal-aħħar ta’ Settembru filwaqt li talbet laqgħa mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, mal-Feltom u mal-Kunsill tal-ELT biex tiddiskuti t-tħassib tagħha.

Fiduċja u kunfidenza fl-investiment – GWU

Minn naħa tagħha, il-General Workers’ Union esprimiet sodisfazzjon li l-Gvern laqa’ diversi proposti li ressqet. Saħqet li l-miżuri mħabbra lbieraħ se jkomplu jsaħħu l-fiduċja bejn il-partijiet soċjali kollha tal-pajjiż biex verament l-investiment moħluq ikun mibni fuq sidien sodi bl-involviment dirett tas-settur privat.

Il-Pulizija jridu kumpens – Police Officers Union

Il-Police Officers Union talbet lill-Gvern biex il-frontliners jiġu kumpensati għas-servizz li offrew il-pajjiż tul il-pandemija. Fi stqarrija qasira hija qalet li l-uffiċjali ġew mitluba imorru il-fuq mid-dmir tagħhom u għaldaqstant għandhom jiġu rikonoxxuti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn