X’qed jagħti l-Baġit lill-Għawdxin?

Il-Ministru Edward Scicluna ffoka parti mid-diskors tiegħu għall-Baġit 2020 dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex.

Prof. Scicluna rrimarka dwar is-suċċess tar-raba’ vapur. Stqarr li l-Gozo Channel issa tgħallmet minn din l-esperjenza u tinsab f’pożizzjoni ferm aħjar biex tagħmel l-investiment meħtieġ biex ikollha r-raba’ vapur. Ħabbar li bħalissa qed isiru l-preparamenti sabiex jitfasslu r-rekwiżiti li għandu jkollu r-raba’ vapur, biex imbagħad jibda l-proċess tat-tendering.

Dwar il-proġett tal-mina, il-Ministru qal li qed jitwettqu diversi studji li se jiġu konklużi fix-xhur li ġejjin.

Barra minn hekk, fakkar li l-Gozo Channel se tkun qed tinvesti f’sistema elettronika tal-biljetti u li se jibqa’ għaddej ix-xogħol fuq il-fast ferry.

Miżuri oħra dwar Għawdex:

·       Skemi għal laqgħat, konferenzi u avvenimenti f’Għawdex (MICE).

·       Estiża l-għajnuna finanzjarja għall-impjegati Għawdxin fis-settur pubbliku, li jużaw trasport kollettiv.

·       Rifużjoni ta’ parti mill-paga biex jissaħħu l-opportunitajiet ta’ teleworking f’Għawdex

·       Eliġibiltà għal benefiċċji għal kera affordabbli għall-istudenti Għawdxin.

·       Estiż is-sussidju tax-xogħol għall-ħaddiema Għawdxin kollha

·       Inċentivi fiskali għal kumpaniji li jirrilokaw l-operat tagħhom lejn Għawdex

·       Inċentivi fiskali għall-kumpaniji li joħolqu impjiegi ġodda fil-qasam tat-teleworking u back office minn Għawdex. Estiż il-back office tad-Dipartiment tat-Taxxa

·       Proġett tal-hostel f’Villa Lauri għall-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw u jgħixu f’Malta

·       €10 miljun fuq it-toroq: Is-sena d-dieħla se jinbdew xogħlijiet fuq Triq l-Imġarr, li min-Nadur tibqa’ nież;a għall-port, u t-triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn.

Fi ftit ġimgħat oħra se jiġu inawgurati:

1.   Ir-Research and Innovation Hub fix-Xewkija

2.   Barts Medical School

·       Is-sena d-dieħla se jitlestew:

1.   Iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa

2.   Id-dar għal residenti anzjani – Dar San Ġużepp

3.   Proġett f’Tal-Ħofra għall-intraprendituri żgħar.

·       Jibda x-xogħol fuq:

1.   Il-Proġett ta’ Park & Ride ħdejn il-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel

·       Jitkompla x-xogħol fuq:

1.   Il-Proġett tal-Għajnsielem Hub.

X’kienu l-proposti li smajna qabel il-Baġit dwar Għawdex?

Proposti mill-Partit Nazzjonalista:

  • Inċentivi fiskali lill-operaturi tan-negozji f’Għawdex sabiex jingħataw l-għajnuna biex jespandu l-ħidma tagħhom f’Għawdex.
  • Jiġu provduti inċentivi li jattrattaw negozjanti jiftħu n-negozju tagħhom f’Għawdex 
  • Żvilupp ta’ pjan fit-tul li jwaqqaf il-brain-drain li ħakem lill-gżira Għawdxija
  • Żieda fl-investiment fl-ITS ta’ Għawdex sabiex aktar Għawdxin jitħajru jsegwu karriera fl-industrija tat-turiżmu Għawdxija.
  • Inċentivi għall-operaturi tat-turiżmu f’Għawdex li jgħinuhom joffru kundizzjonijiet ta’ xogħol favorevoli matul is-sena kollha.
  • Xogħol ta’ tisbiħ fix-Xlendi, fid-Dwejra u f’Marsalforn
  • Investiment għat-tisbiħ u r-ristrutturar tal-faċilitajiet edukattivi f’Għawdex.

Proposti mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija:

  • Il-proġett tal-mina bejn Għawdex u Malta għandu jkompli bl-iskart jintuża għat-tkabbir tal-faċilitajiet tal-irmiġġ fl-Imġarr. 
  • Faċilitajiet ta’ parkeġġ fir-Rabat.
  • L-introduzzjoni tar-raba’ vapur fuq bażi permanenti, il-fast ferry service u s-servizz ta’ ħelikopter.  
  • Il-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex qed tinsisti li jkollha baġit allokat u rappreżentanza permanenti fuq l-MCESD.

Il-mina, l-fast ferry u l-parkeġġ fir-Rabat fuq l-aġenda tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Proposti mill-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex:

  • Introduzzjoni mill-ġdid tas-servizz tal-ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer, li għandu joffri servizz ta’ check-in għal passiġġieri li jitilqu minn Għawdex biex jaqbdu t-titjira lura lejn pajjiżhom mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 
  • Il-Gvern jibni airstrip ta’ minn tal-inqas 450 metru li takkomoda l-inżul u t-tlugħ ta’ ajruplani żgħar.
  • Biljett tal-Gozo Channel skont l-istaġun u b’hekk tinbidel l-istruttura tal-ferry fare. 
  • Smart ticketing għall-vapuri tal-Gozo Channel. 
  • Ir-raba vapur jiżdied mal-flotta  b’mod permanenti. Il-Gvern għandu jikkummissjona r-raba vapur u li għandu jkun identiku għall-vapuri l-oħrajn.
  • Servizz shuttle bejn l-ajruport u ċ-Ċirkewwa preferibbilment operat mill-Malta Public Transport. 
  • Investiment infrastrutturali fil-bajja tax-Xlendi u żona ġdida għall-irmonk tal-vapuri fl-Imġarr bħala alternattivi.
  • Fejn jidħol il-qasam tal-akkomodazzjonijiet u servizzi turistiċi f’Għawdex, l-assoċjazzjoni talbet għal tnaqqis tal-VAT. It-talba prinċipali hija li r-rata tal-VAT fuq ristoranti, servizzi tad-diving u transport għandha tinżel għal 10% minn 18%. 
  • Ir-rata tal-VAT fuq biljetti ta’ kunċerti, teatri, wirjiet, parks tad-divertiment, mużewijiet, ċinema u attivitajiet kulturali oħrajn għandha tkun 7%.
  • Konferenzi żgħar u sponsorjati li jsiru ta’ kull sena mill-Gvern għandhom isiru f’Għawdex. 
  • L-Intervention Team fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex għandu jibda jieħu ħsieb it-tisbieħ u t-tiswija, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ bosta żoni turistiċi f’Għawdex. 
  • Żvilupp ta’ faċilitajiet sportivi, inkluż water park u park tad-divertiment, trakka tal-atletika u faċilitajiet għal training camps f’Ta’ Xħajma.

Baġit 2020: Iridu ħelikopter u airstrip f’Għawdex

F’dan l-artiklu kkollaboraw ukoll Christoph Schwaiger u Nicole Borg