X’qed jagħmel Schwarzenegger dwar il-coronavirus mal-ħmara u ż-żiemel?

Schwarzenegger

Arnold Schwarzenegger, l-attur u eks Gvernatur ta’ Kalifornja, nhar il-Ħadd li għadda appella permezz ta’ vidjo biex ħadd ma jmjur fir-ristoranti, fejn ikun hemm il-folol jew inkella fil-gyms. “Aħna se nibqgħu d-dar”, qal. Waqt il-vidjo kien imdawwar bil-ħmara Lulu, b’Whiskey ż-żiemel u b’Cherry l-kelb.

Ir-raġel li għandu 72 sena ħareġ il-vidjo fuq Twitter għall-4.4 miljun ruħ li jsegwuh fuq dak il-mezz tal-midja soċjali wara li sema’ x’kien ippropona l-Gvernatur preżenti ta’ Kalifornja  Gavin Newsom li talab biex dawk in-nies li għandhom aktar minn 65 sena jibqgħu d-dar.

Arnold Schwarzenegger qal li l-aktar ħaġa importanti bħalissa hi li wieħed jibqa’ d-dar għax hemm curfew, “l-aktar għal xi ħadd bħali li għandi 72 sena. Għalhekk aħna se nibqgħu d-dar u nieklu hawn. Għalhekk isimgħu mill-esperti u injoraw dawk l-injoranti li jgħidulkom xi ħaġa oħra.”

L-attur temm jgħid li hu, flimkien ma’ Lulu, Whiskey u Cherry, qed jieħdu ħafna pjaċir flimkien.

Sa ġurnata wara li Arnold Schwarzenegger tella’ l-vidjo kienu rawh madwar 13-il miljun ruħ.